Tliet spazji fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li, sa ftit ilu, ħadd ma seta’ japprezzahom mill-qrib, huma l-magna tal-arloġġ li jmur lura fi snin, il-kampnar tal-Lbiċ u l-gallarija prinċipali. Minn din il-ġimgħa l-pubbliku Malti u dak turistiku jista’ jgawdihom, aħjar għax saru aċċessibbli b’mod permanenti.
Mill-gallarija prinċipali wieħed issa jista’ jgawdi r-rikkezzi tal-pitturi li juru episodji mill-ħajja ta’ San Ġwann, impittra dirett fuq il-ġebla u mhux fuq it-tila minn Mattia Preti, li wkoll hu midfun fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
Ta’ attrazzjoni hi l-pittura biswit il-gallarija li tissimbolizza ir-rebħa tar-Reliġjon Kristjana fuq il-Musulmani. Jidhru wkoll il-Gran Mastri Nikol u Raffael Cottoner fuq kull naħa, li kienu kkumissjonaw tant xogħlijiet fi ħdan dan il-ġojjell Malti.
Il-qofol tal-pittura ta’ Preti fis-soqfa tal-Kon-Katidral hi l-Magħmudija ta’ Kristu minn Ġwanni l-Battista u taħtu l-istatwa tal-irħam maħduma minn Mazzuoli.
Tkellimna ma’ Tonio Mallia, li hu l-Kap Eżekuttiv tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, li stqarr magħna għalxiex il-pubbliku għandu jara b’għajnejh dawn l-opri storiċi.
Qal, “L-ewwel biċċa xogħol hawnhekk, qatt ma kienu jidħlu nies, jiġifieri speċjalment il-kamra tal-arloġġ u l-kampnar, tajjeb, issa aħna dawn il-kmamar u dawn il-postijiet irrestawrajniehom u ġibniehom aċċessibbli għall-pubbliku. Dawn il-postijiet għandhom jiġu apprezzati minħabba l-att storiku li għandhom. Dawn qed nitkellmu, huma parti mill-Katidral, jiġifieri tista’ taħseb kemm huma importanti.”
Il-pubbliku issa wkoll għandu aċċess għal wieħed mill-kampnari prinċipali fejn insibu l-qniepen li jmorru lura sas-Seklu Sittax fi żmien il-Gran Mastri Perellos u Pinto.
Ian Camilleri spjegalna aktar dwar ix-xogħol li sar biex dawn il-bnadi issa nfetħu darba għal dejjem għall-pubbliku.
Stqarr “Wieħed mill-għanijiet prinċipali huwa, li aħna nerġgħu nagħtu lura l-Kon-Katridal lill-pubbliku tajjeb, u kien proprju minħabba dan li l-maniġment tal-Kon-Katridal ta’ San Ġwann ra li jiftaħ dawn il-postijiet li għadna kif rajna llum. Ix-xogħol kollu sar mill-ħaddiema tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann stess, fejn sar restawr fil-kamra tal-arloġġ kif ukoll f’dan il-post li qegħdin aħna hawnhekk proprju fil-kampnar tal-qanpiena l-kbira. Ix-xogħol kien jikkonsisti f’restawr tal-injam, f’restawr tal-ġebla kif ukoll il-pavimentar mill-ġdid.”