Partijiet kbar mill-Ewropa, partikolarment fin-Nofsinhar, qed jintlaqtu minn mewġa kbira ta’ sħana tant li ċerti pajjiżi fl-aħħar jiem irreġistraw temperaturi li jlaħħqu t-42 grad Celsius. Dan il-fenomenu estrem qed jerġa’ jikkawża problemi fil-provvisti tal-elettriku fil-pajjiżi affettwati, bid-domanda fil-konsum li żdiedet drastikament, bir-riżultat li wkoll iseħħu ħafna ħsarat, kif seħħ anke f’Malta.
It-temperaturi għoljin wasslu biex Ministeri tas-Saħħa Ewropej joħorġu diversi twissijiet nazzjonali jew reġjonali, hekk kif il-mewġa ta’ arja sħuna mill-Afrika ħakmet iċ-ċentru tal-Mediterran u l-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-kontinent Ewropew.
Dan fl-istess ħin li t-temperaturi fil-vetturi wkoll qed jaqbżu saħansitra l-50 grad Celsius fl-eqqel tal-ġurnata.
Waqt li pajjiżi minn Spanja fil-Punent sal-Greċja fil-Lvant ħarġu twissijiet biex kulħadd jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji u jevita li jkun barra fil-ħinijiet ta’ bejn il-11:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ waranofsinhar, anke l-kapitali Franċiża, Pariġi, li fi żmien ġimagħtejn oħra se tospita l-Olimpjadi għal din is-sena, ġiet affettwata mis-sħana.
L-awtoritajiet f’ħafna reġjuni qed jirrapportaw kontinwament għadd ta’ nirien ikkawżati min-nixfa u s-sħana estrema u pumpieri qed ikunu mħabbtin f’diversi ħinijiet tal-ġurnata, anke bl-użu ta’ ajruplani apposta tal-protezzjoni ċivili biex jikkontrollaw is-sitwazzjonijiet.
Fil-Ġreċja, fejn anke pumpieri Maltin qed jgħinu f’tali operazzjonijiet, l-awtoritajiet installaw sistemi ta’ arja kundizzjonata bl-ilma f’postijiet pubbliċi, waqt li ssospendew ħafna mix-xogħlijiet fuq barra, bħal fl-oqsma tal-kostruzzjoni u t-tqassim, matul l-agħar ħinijiet tax-xemx.
Fl-Albanija, fejn it-temperaturi wkoll qed jilħqu t-42 grad Celsius, raġel ta’ tnejn u sebgħin sena nstab mejjet kawża tal-mewġa tas-sħana fir-razzett tiegħu ’l barra mill-kapitali Tirana.
Għat-tieni darba dan ix-xahar, il-Maċedonja ta’ Fuq qed tiffaċċja mewġa oħra ta’ sħana b’temperaturi simili u madwar 200 rapport ta’ nirien li laqtu lill-pajjiż mill-bidu ta’ Lulju.
Pajjiżi bħas-Serbja, il-Kroazja u l-Bosnia wkoll laħqu temperaturi ta’ 40 grad Celsius għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, bi qtugħ fil-provvisti tal-elettriku u interruzzjonijiet fis-sistemi tat-trasport pubbliku, bħat-trams.
KITBA: Dasier D’Amato