Miljuni ta’ persuni f’numru ta’ pajjiżi Ewropej spiċċaw bla elettriku mit-Tnejn kmieni waranofsinhar, hekk kif l-ewwel rapporti indikaw li kien hemm problemi fil-grid tal-elettriku Ewropew.
Tali qtugħ fil-provvista tal-elettriku kien wieħed nazzjonali kemm fi Spanja kif ukoll il-Portugall, b’rapporti jgħidu li dan affettwa s-sistemi kollha, mhux l-inqas l-ajruporti, bħal dak internazzjonali Barajas f’Madrid, li kellu jieqaf ħesrem.
Ċittadini taż-żewġ pajjiżi wkoll spiċċaw mingħajr ebda aċċess għan-networks tal-mowbajls.
Dan kollu, li jidher li m’għandu l-ebda preċedent, ħoloq kaos kbir minnufih b’eluf kbar anke weqfin u maqbudin fil-metros fil-mini taħt l-art fl-ibliet kapitali u oħrajn ewlenin fi Spanja u l-Portugall.
Dan il-blackout totali affettwa wkoll is-servizzi tas-saħħa u sptarijiet spiċċaw bla funzjoni tal-apparat mediku.
Residenti ta’ Andorra u partijiet fi Franza fuq il-fruntiera ma’ Spanja wkoll irrapportaw li ntlaqtu minn dan il-qtugħ, waqt li oħrajn irrapportat sitwazzjoni simili f’partijiet tal-Belġju.
Il-kumpanija nazzjonali tal-elettriku fil-Portugall, REN, qalet li dan in-nuqqas hu possibbilment dovut għan-nirien li seħħew fil-Lbiċ ta’ Franza fuq il-muntanja Alaric, li kkawża danni fis-sistema tad-distribuzzjoni b’cables ta’ vultaġġ għoli bejn Perpignan u Narbonne.