Il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista, Mario Fava, ikkundanna l-aġir partiġġjan tad-deputati Jason Azzopardi u Robert Cutajar quddiem il-bżonn li jibqa’ jkun immaniġjat aħjar is-settur tal-iskart.
Hu argumenta li għalihom u l-Partit Nazzjonalista,il-politika partiġjana tiġi qabel l-interess u l-ġid komuni. Fava kien qed jitkellem b’rabta mal-mozzjoni li ressqu nhar it-Tlieta fil-Parlament dwar avviż legali marbut mas-settur.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li “jidher bl-aktar mod ċar li l-Onorevoli Azzopardi ma kellu l-ebda idea ta’ x’kien għaddej fil-qasam tal-Gvern Lokali, fuq livell ta’ Assoċċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali, flimkien mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima. Jistona kif l-Onorevoli Robert Cutajar iffirma din il-mozzjoni meta hu stess kien mistieden għal-laqgħat organizzati mill-istess Assoċjazzjoni, bis-suġġett bħala parti mill-aġenda mibgħuta lilu.”
“Dan is-suġġett ilu jigi diskuss mal-Kunsilli Lokali sa mit-30 ta’ Settembru 2017. Dakinhar f’ laqgħa plenarja li għaliha kienu mistiedna l-Kunsillieri kollha, kien diskuss u saru proposti mill-Assoċjazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart. Għal din il-laqgħa,kien hemm preżenti 142 kunsillier miż-żewg partiti ewlenin fejn dawn kienu indirizzati minn panel ta’ esperti fil-qasam kif ukoll mill-Ministru Jose Herrera u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.”
Fl-istess laqgha, li għaliha kien mistieden ukoll l-Onorevoli Robert Cutajar, il-President tal-Assocjazzjoni tal-Kunsilli Lokali , Mario Fava, wassal lil Ministru Herrera għad ta’ proposti mressqa mill-Assoċjazzjoni, wara li dawn kienu diskussi fuq livell ta’ Eżekuttiv fi ħdan l-istess Assoċjazzjoni kif ukoll mal-Kunsillieri kollha. Kien ta’ pjaċir ghall-Assoċjazzjoni li tali proposti ġew anki approvati mill-Kabinett.
Tajjeb wieħed ifakkar lill-Onorevoli Azzopardi li kull laqgħa plenarja tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali hija waħda pubblika għaliex tkun streamed live fuq facebook.
Jidher li Jason Azzopardi ma jsegwix dak li jkun għaddej u għalhekk jiżbalja meta jitkellem, temm jgħid il-Partit Laburista.
Barra dan il-Kunsilli Lokali kienu involuti f’ kull laqgħa li saret bejn il-Ministeru konċernat, l-ERA u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, fejn kull darba, l-Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni inżamm infurmat, kif jixhdu l-minuti tas-seduti tal-Assoċjazzjoni, liema minuti jiġu ċirkolati mall-Kunsillieri kollha u huma pubbliċi.
Iktar minn hekk il-Kunsilli Lokali kienu anke kkonsultati fuq il-ġranet tal-ġbir tant li ntalbu jindikaw il-ħinijiet u l-ġranet tal-borża biex il-leġiżlazzjoni tinħadem proprju madwar dawn il-ġranet.
Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li kien hemm proċess ta’ konsultazzjoni meta tnidew proposti għall-littering regulations, liema proposti u emendi kienu wkoll pubblici.
“Wieħed jistenna aħjar minn min qed jaspira li xi darba jkun hu fil-pożizzjoni li jiddeċiedi, partikolarment proposti alternattivi għal dak li ma jkunx qed jaqbel miegħu,” qal Fava.