Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet fuq il-proġett tas-Central Link, fejn fis-Saqqajja l-Ħadd filgħodu, tlestew l-aħħar xogħlijiet essenzjali biex tinfetaħ ir-roundabout li tgħaqqad il-bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ mas-Central Link.
ONE News mar fuq il-lant tax-xogħol, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Infrastruttura Malta, l-Inġinier Frederick Azzopardi, spjega kif xogħlijiet li jirrikjedu l-għeluq ta’ parti kbira minn triq, qegħdin isiru fil-Ħdud u l-festi meta ma jkunx hemm ħafna karozza fit-toroq.
Qal, “Għada t-Tnejn, li hija ġurnata ta’ xogħol, għalkemm tinqabad bejn il-Ħadd u festa, hija ġurnata tax-xogħol allura konna attenti u rajna li ma jkunx hemm għeluq maġġuri. Anzi kulma se jkun hemm hu għeluq żgħir, allura m’aħniex nantiċipaw problemi għal min juża din il-junction tant importanti.”
Ix-xogħlijiet fuq ir-roundabout se jippermettu lil min jivjaġġa minn dawn in-naħat biex jużaw dawn it-toroq mit-Tnejn.
Spjega, “Dawk li jkunu ġejjin min-naħa ta’ Ħ’Attard, dawk li jkunu ġejjin min-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ, jistgħu jużaw din ir-roundabout b’mod komdu, biex jew jitilgħu lejn in-naħa tar-Rabat, jekk iridu jkomplu t-traġitt tagħhom lejn in-naħa ta’ fuq ta’ pajjiż, jew inkella, jekk iridu jmorru lejn Ta’ Qali, jew minn Ħaż-Żebbuġ iridu jmorru lejn Ħ’Attard, jistgħu jgħaddu b’mod faċli mar-roundabout u jidħlu lejn Ta’ Qali.”
L-Inġinier sostna li sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, se jitlesta x-xogħol kollu f’din iż-żona, qabel tibda sena skolastika ġdida.
Qal, “Nixtieq minn hawnhekk nirringrazzja lil kull min juża t-toroq tal-paċenzja kbira li qed jieħdu bina għax ovvjament nifhmu li din toħloq ċertu inkonvenjent għal min juża dawn it-toroq, imma naħseb finalment, hekk kif inlestu dan il-proġett, se jkun proġett importanti għax jiffaċilita lil dawk kollha, mhux biss min juża l-vettura bħala karozza, imma anke min juża r-roti jew bil-mixi, se jkun qed jiffaċilita l-aċċess għal kulħadd f’dan iċ-ċentru tal-pajjiż.”