Parti mill-wirja, Il-Malti: Il-Mixja sal-Għarfien Uffiċjali, li ttellgħet f’Malta aktar kmieni din is-sena, issa hija esebita b’mod permanenti fil-bini LEX fi Brussell, fejn hemm miġburin l-unitajiet kollha tat-traduzzjoni tal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
F’Malta, il-wirja kienet ittellgħet bejn Frar u April fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u kienet il-frott ta’ kollaborazzjoni bejn Heritage Malta u l-Akkademja tal-Malti.
Din il-wirja kopriet l-istorja tal-ilsien Malti mill-għeruq Semitiċi tiegħu sakemm fl-1964 ġie dikjarat bħala l-ilsien nazzjonali ta’ Malta u fl-2004 bħala wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Wara s-suċċess tal-wirja f’Malta, ġie deċiż li kopji tat-tabelli bit-tagħrif li kienu parti mill-wirja f’Malta jitqiegħdu għall-wiri b’mod permanenti fi Brussell, kif fil-fatt sar bl-għajnuna ta’ Heritage Malta.
L-organizzazzjoni tal-wirja fi Brussell saret mill-Unità Maltija tat-Traduzzjoni, bħala parti mill-attivitajiet li ttellgħu mis-Servizz tat-Traduzzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (LING) fl-okkażjoni tax-xahar iddedikat għall-multilingwiżmu.
Il-ftuħ ta’ din il-wirja sar fil-15 ta’ Settembru u wara ġie segwit minn kunċert bil-pjanu b’kanzunetti Maltin mill-pjanista Sandro Balzan.