Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali qiegħed iwettaq xogħlijiet fi Triq l-Istazzjon, l-Imtarfa.
Dawn ix-xogħlijiet jinvolvu tindif ta’ ħaxix ħażin li kien qed jikkaġuna ħsarat strutturali kbar mal-wiċċ tal-blat ta’ dan is-sit. Dan kien qed iwassal biex jaqgħu biċċiet tal-ġebel u blat fuq wiċċ it-triq. Għalhekk l-istess Dipartiment se jimplimenta tiswijiet necessarji u rinfurzar ta’ wiċċ il-blat sabiex jiġi stabilizzat u jitnaqqas il-periklu.Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà pubblika, Transport Malta qed tagħlaq l-aċċess għal vetturi u persuni li jgħaddu bil-mixi minn parti ta’ Triq l-Imtarfa sa Triq il-Maltin Internati u Eżiljati fl-Imtarfa.
B’effett immedjat u sakemm jinħareġ avviż ieħor, din il-parti tat-triq kif ukoll it-taraġ li jagħti għaliha, ser ikunu kompletament magħluqa.
Il-pubbliku huwa mitlub isegwi s-sinjali li hemm fuq il-post.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura qed jikkordina mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikomplu jittieħdu l-aħjar miżuri fl-interess tal-pubbliku.