Hemm stennija kbira għat-tieni edizzjoni tal-Intersport La Valette Marathon li se ssir nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar filgħodu. ‘Il fuq minn 900 atleta irregistraw sabiex jieħdu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
It-tellieqa tibda minn ħdejn l-istabiliment Surfside Tas-Sliema, bl-atleti jgħaddu tul il-kosta tal-Port. Huma jgħaddu mill-Belt Valletta u jinzlu lejn il-Kottonera, bit-tmiem ikun fix-Xatt tal-Birgu. Kompetizzjoni li toffri xenarju mill-isbaħ lill-parteċipanti kollha.
Il-maratona prinċipali hija fuq distanza ta’ 42.2Km u titlaq fis-7 ta’ filgħodu. Se jkun hemm ukoll in-nofs maratona li titlaq fis-7.30 ta’ filgħodu.
Hemm premjijiet sbieħ ta’ flus għal min jispiċċa fl-ewwel tliet postijiet. Ir-rebbieħ jieħu €1,000 filwaqt minn jispiċċa t-tieni jieħu €500 u €250 għat-tielet post.
Ir-rebbieħa tal-edizzjoni tas-sena l-oħra kienu:
Matthew Xuereb (Rebbieħ tal-Maratona) 2:48.24
Jemima Farley (Rebbieħa tan-Nofs Maratona) 2:50.58
Charlton Debono (Rebbieħ tan-Nofs Maratona) 1:12.19
Roslaie Borg (Rebbieħa tan-Nofs Maratona) 1:26.07
L-organizzaturi qed jappellaw lill-pubbliku sabiex waqt il-ħinijiet tal-maratona jikkoperaw mal-uffiċjali ta’ Transport Malta. Anke Transport Malta ħarġet avviżi dwar xi toroq li se jkunu magħluqa għal xi ħin nhar il-Ħadd 5 ta’ Frar filgħodu.