L-istaġun popolari tal-opri mużikali f’Għawdex hu fil-qrib u l-preparamenti miż-żewġ soċjetajiet li jorganizzaw dawn l-avvenimenti annwali għaddejjin fl-aqwa tagħhom.
Għal dan l-għan il-Ministeru għal Għawdex nieda għall-ewwel darba skema biex firxa wiesgħa ta’ nies tersaq aktar viċin lejn dawn l-avvenimenti ta’ kultura f’Għawdex, qalet il-Ministru Justyne Caruana waqt it-tnedija tal-‘Opera Scheme 2017’.
“Din l-iskema hi mmirata lejn anzjani attivi u persuni b’diżabilità fil-komunità permezz ta’ xogħol volontarju. Aħna nemmnu f’soċjetà inklussiva fejn kulħadd għandu dritt jgħix ħajja diċenti u parteċipattiva u mhux b’inqas li jgawdi l-opri f’Għawdex”, spjegat il-Ministru Caruana.
“Nemmnu fit-talent lokali u rridu nkomplu nsostnuh u nkabbruh. Hu permezz tad-dedikazzjoni tal-voluntiera li opri ta’ dan il-livell ikunu ta’ suċċess. Huma l-voluntiera l-id moħbija wara dan kollu. Mingħajr dawn in-nies li jkunu wara l-kwinti l-avvenimenti mużikali ma jseħħux.”
Il-Ministru rringrazzjat lill-mijiet ta’ volontiera li fil-ħin liberu tagħhom u għall-imħabba li għandhom lejn it-tkattir tal-kultura f’Għawdex, jinvestu ħafna enerġija biex l-opri klassiċi jirnexxu, filwaqt li raddet ħajr ukoll lil Arts Council Malta għas-sostenn finanzjarju li jipprovdi sena wara l-oħra, u lill-entitajiet privati li jemmnu f’dawn l-inizjattivi.
L-opri li jittellgħu fit-Teatru Astra u fit-Teatru Aurora huma tal-ogħla livell fuq skali lokali, nazzjonali u internazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-aqwa talent lokali u ismijiet oħrajn magħrufa f’dan il-qasam.
“Il-kultura, fil-forom kollha tagħha, hi marka qawwija fil-karattru Għawdxi u toħroġ fl-aqwa tagħha f’kull staġun filwaqt li tirrendi lil Għawdex destinazzjoni kulturali matul is-sena kollha, li hu ta’ preġju li l-Ministeru u dawk kollha involuti għandhom iħarsu u jippromwovu”, ikkonkludiet il-Ministru Justyne Caruana.