Fl-aħħar jiem il-parteċipanti ta’ LEAD qasmu l-esperjenzi pożittivi tagħhom bħala nisa li qed jieħdu sehem f’dan il-programm.
Fost oħrajn għamlu dan meta rreaġixxew għall-gideb fil-konfront tal-programm billi fil-midja soċjali kitbu dwar dak li qed jieħdu minn LEAD. Programm li hu l-ewwel tat-tip tiegħu f’pajjiżna.
Kienet il-gazzetta Il-Mument li l-Ħadd li għadda fetħet attakk fuq dan il-programm u l-parteċipanti ma qagħdux lura milli juru s-sabiħ ta’ dak li qed jieħdu sehem fih.
Is-soċjologa Maria Brown kitbet hekk dwar l-esperjenza tagħha: “L-esperjenza tiegħi bħala parteċipanta tal-LEAD: Tagħlim mingħand esperti ta’ livell għoli; sapport lili u lill-familjari tiegħi permezz ta’ servizz ta’ child care ta’ kwalità impekkabbli waqt il-ħinijiet tal-laqgħat ta’ LEAD; opportunità ta’ viżibbiltà fejn tqiesu l-għarfien u l-ħiliet professjonali tiegħi bħala soċjologa; inkoraġġiment u gwida mingħand nies varji fil-Partit Laburista li dejjem urew disponibbiltà, umiltà u ħeġġa ġenwina li jaqsmu miegħi l-esperjenza politika u tal-ħajja tagħhom, bla ebda tip ta’ pressjoni fuqi.”
Mirana Agius Silvio, edukatriċi u parteċipanta, kitbet “LEAD hi inizjattiva mill-aqwa li qed tgħinna nimxu ’l quddiem u nitgħallmu dwar aspetti tal-politika u l-filosofija politika li ma konniex nafu qabel.” Tkellmet ukoll dwar kif “il-Prim Ministru għaraf l-importanza li jkun hemm iktar nisa fil-politika biex verament ikun hemm rappreżentanza ekwa fil-Parlament.”
Ann Marie Calleja tkellmet dwar kif il-parteċipanti ta’ LEAD qed jingħataw l-għajnuna kollha u t-taħriġ. “Dan biex noħorġu l-aħjar tagħna biex inkunu dak li s-soċjetà tagħna teħtieġ u tippretendi mill-politiċi,” kitbet Calleja li fissret kif il-membri tal-LEAD huma tim wieħed.
Maria Parnis kitbet dwar kemm is-sessjonijiet qed isiru b’mod professjonali u serju. “L-ewwel u qabel kollox nista’ ngħid li għażilt LEAD għax nemmen fil-prinċipji tal-Partit Laburista. Prinċipji li jagħmluni nħossni parti minn moviment li jaħdem għall-ġid tal-pajjiż.”
Ħafna oħrajn kitbu wkoll dwar il-qerq fir-rapportaġġ tal-midja Nazzjonalista tant li eventwalment ħassew li għandhom jibagħtu dritt għar-risposta komuni.
Fil-fatt, it-tweġiba tal-parteċipanti ta’ LEAD qed tidher hawn taħt.
“Il-programm LEAD hu programm li qed joffri opportunità lilna n-nisa parteċipanti biex nidħlu fid-dinja politika bi tħejjija li qatt qabel ma kien hawn bħalha fil-partiti politiċi f’pajjiżna. Mhux biss biex intejbu ċ-ċans tagħna li nkunu suċċess, iżda wkoll biex is-servizz li noffru liċ-ċittadin Malti jkun tal-ogħla livell.
Għaldaqstant bħala persuni li rridu nkunu attivi fil-politika biex intejbu l-ħajja tan-nies inqisu bħala offiża lejn id-dinjità tagħna l-artiklu miktub f’Il-Mument tal-Ħadd 11 ta’ Frar taħt it-titlu “L-Armata l-Ħamra ta’ Miriam Dalli Bbażata Fuq Id-Dehra u l-Kosmetika.”
L-artiklu ffirmat minn Joe Micallef u li hu bbażat fuq suppost sors anonimu huwa mimli allegazzjonijiet dwar suppost affarijiet li ntqalu lilna meta dan ma kienx il-każ. Fi ftit kliem dan hu artiklu giddieb.
Bħal fil-każ fejn intqal li “kien hemm min applika iżda lanqas bagħtu għalih minħabba d-dehra tagħhom.”
Dan meta l-parteċipanti kollha ssejħu għall-intervisti fejn qabel ma konniex mitluba nibagħtu xi ritratt kif jiġri f’ħafna intervisti fil-ħajja, iżda minflok konna miltuba nippreżentaw tliet inizjattivi dwar kif nixtiequ naraw lill-pajjiżna aħjar.
Hija ħasra kif għal min kiteb l-artiklu u għal-linja politika editorjali tal-Partit Nazzjonalista permezz tal-midja tiegħu s-sehem tan-nisa hu marbut biss mad-dehra.
Dan jirriżulta mill-fatt li dawn it-temi ħadu l-irwol ċentrali tal-artiklu, li ngħata żewġ paġni inkluż il-faċċata, b’affarijiet li qatt ma ntqalu. Bħal fejn inkiteb: “problema oħra hi li kienu wegħduna sponsors għall-ħwejjeġ u make-up iżda ma ġew qatt. B’hekk qed ikolli nixtri minn buti b’sagrifiċċju kbir.” Aħna ma konniex imwiegħda make-up u ħwejjeġ. Minflok konna mwiegħda li ningħataw lectures minn persuni ta’ esperjenza kbira u dik il-wiegħda nżammet. Fil-filosofija politika kellimna l-awtur u ħassieb Dr. Mark Montebello, dwar l-istat Malti u l-kostituzzjoni tiegħu l-Professur Godfrey Pirotta, dwar is-sehem tan-nisa fil-politika r-riċerkatriċi Dr JosAnn Cutajar. Dan biex insemmu ftit biss għax imbagħad hemm numru kbir ta’ politiċi li jagħtuna l-esperjenzi diretti tagħhom. Iktar minn hekk kull persuna kienet assenjata mentor u hawn ukoll nies ta’ profil għoli bħall-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputati Mexxejja Chris Fearne u Chris Cardona qegħdin jagħtu s-sehem tagħhom. Kif qed joffru membri oħra tal-Kabinett, Deputati Parlamentari u impjegati u voluntiera tal-Partit Laburista.
Gidba oħra hi li xi ħadd ħeġġiġna biex fuq il-midja soċjali nikbtu b’temi favur il-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli, li qiegħda tmexxi dan il-programm.
B’kuntrast it-taħriġ fuq il-midja soċjali kien iffukat dwar kif aħna jkollna l-paġna personali tagħna bil-għan li kull waħda minnha jkollna kuntatt dirett maċ-ċittadini li jistgħu jfittxuna u jsibuna ladarba qed nagħżlu li nidħlu fid-dinja politika biex inkunu ta’ servizz għan-nies.
Dawn huma biss ftit mill-gidbiet ħoxnin li kellu l-artiklu f’Il-Mument. Għalkemm ma konniex sorpriżi bl-attakk fuq il-programm LEAD ladarba l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien iddeskrivieh bħala konvenjenza politika meta kien għadu kif sar Kap. Però ftit stajna nemmnu kif xi ħadd jasal jivvinta u jikteb taħt ismu affarijiet li ma ntqalu qatt.
Li nistgħu nserrħu ras il-Partit Nazzjonalista hu li l-kampanja li beda mhix se taqtgħalna qalba. Il-ħtieġa tan-nisa fil-politika hi sfida għal pajjiżna li mhux se nħalluha għaddejja mingħajr ma nagħmlu xejn.
Saħansitra riċerki tal-Kummissjoni Ewropea u l-OSCE jpoġġuna isfel nett tal-listi dwar ir-rappreżentanza femminili. Iż-żewġ istituzzjonijiet jitkellmu fuq il-ħtieġa ta’ miżuri li jassiguraw il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tan-nisa f’kull livell.
Il-programm LEAD hu proprju inizjattiva biex jindirizza dan id-defiċit demokratiku li issa jrid ikun indirizzat ukoll bil-bidliet leġiżlattivi li hemm bżonn. Wieħed jittama li l-Partit Nazzjonalista u Adrian Delia jwieġbu għal dan b’iktar pożittività u mhux b’attakki vvintati. Nittamaw li l-Partit Nazzjonalista jifhem, li jasal jekk jipprova jibni u mhux jipprova jkisser.”