Nhar il-Ħadd li ġej, 12 ta’ Frar, għadd ta’ parroċċi f’Malta se jiġbru affarijiet bażiċi u essenzjali li għandhom bżonn bħalissa l-popli tat-Turkija u s-Sirja. Din l-inizjattiva qed tiġi koordinata mill-Arċidjoċesi ta’ Malta permezz tal-Fondazzjoni Opri Soċjali.
Il-prodotti meħtieġa jinkludu: ikel f’bottijiet u pakketti magħluqin, prodotti sanitarji, tined, saqqijiet tat-tined, sleeping bags, torches, batteriji u power banks.
Il-lista sħiħa tal-affarijiet li se jinġabru tista’ tinkiseb hawn, flimkien ma’ dettalji oħra dwar minn fejn ser jinġabru d-donazzjonijiet.
L-affarijiet jistgħu jitħallew fiċ-ċentri tal-parroċċi tal-Iklin, il-Qawra, Ħal Għaxaq, Birżebbuġa, il-Gżira, u l-Mosta bejn l-10am u l-4pm fejn se jkun hemm għadd ta’ voluntiera jilqgħu d-donazzjonijiet u jippakkjawhom b’mod organizzat biex jaslu malajr fejn hemm bżonn. Id-donazzjonijiet ser jinġabru u jitqassmu f’kaxxi apposta fil-parroċċi stess biex imbagħad jgħaddu lid-dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bħalissa jinsab għaddej f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet konċernati fit-Turkija u s-Sirja.
Mhux se jiġu aċċettati affarijiet li mhumiex imniżżla fil-lista ta’ oġġetti mitluba speċifikament mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Il-Fondazzjoni Opri Soċjali taħdem biex tipprovdi sapport lill-entitajiet djoċesani, fosthom il-parroċċi Maltin, u tgħinhom jorganizzaw inizjattivi pastorali u ta’ benefiċċju soċjali fil-komunità.