L-iSpeaker Anġlu Farrugia llejla talab lill-membri tal-Gvern u l-Oppożizzjoni li huma membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jużaw il-buonsens u jippruvaw jaslu fi ftehim biex tintlaqa’ t-talba tal-MAM u tal-UĦM li dan il-kumitat jinvestiga l-kuntratti bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare dwar il-privatizazzjoni tal-ispatrijiet – dak ta’ Għawdex, dak ta’ San Luqa u dak ta’ Karen Grech.
Nhar it-Tnejn, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li huwa membru tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, oġġezzjona u qal li l-investgigazzjoni għandha ssir mill-Kumitat dwar is-Saħħa peress li kienet diġà saret talba mix-Shadow Minister Claudette Buttigieg biex dawn jiġu diskussi mill-Kumitat tas-Saħħa. Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi irrefera l-każ lill-iSpeaker għal ruling.
F’ruling ieħor, l-iSpeaker irrefera għal ilment imqajjem mill-Membru Parlamentari Nazzjonalista David Agius dwar tgweġiba li taħ il-Ministru Owen Bonnici għal mistoqsija parlamentari dwar konsulenti dwar il-kunsilli lokali.
Il-Ministru wieġeb li la hu u lanqas is-Segretarju Parlamentari ma kellhom konsulenti.
Agius qal li t-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari li saru qabel dwar direct orders juru ħaġ’oħra.
L-iSpeaker qal li s-Sedja ma tara ebda malintiż fir-risposta la darba l-istess dokument ippreżentat mill-istess Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra, b’mod indirett spjega wkoll ir-raġuni tad-direct orders li wasslu lil Agius jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
Farrugia qal li s-Sedja tifhem li t-tweġiba setgħet kienet aktar feliċi iżda qatt m’għandha l-kompitu li tikkoreġi r-risposta, għalkemm il-Ministru jew is-Segretarju Parlamentari f’kull opportunità jistgħu jagħmlu dan.