Illum qed tiġi diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni wara li talbet reviżjoni tar-ruling tal-Ispeaker li ta kontra Jason Azzopardi wara li dan qal li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi gideb fil-Parlament.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis qal fil-parlament li l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li titlob revizjoni tar-ruling tal-Ispeaker kontra Jason Azzopardi li qal li l-Ministru Owen Bonnici gideb fil-parlament, kienet akkuża serja ħafna u tammonta għal vot ta’ sfiduċja fl-Ispeaker.
Huwa qal li l-Oppożizzjoni qabdet ma’ sentenza u ma ħaditx inkunsiderazzjoni tliet laqgħat tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi meta l-Ministru Bonnici ta l-informazzjoni kollha possibbli ħlief għal dik minħabba sensittività jew dik li kienet tagħmel ħsara lill-programm tal-IIP.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li Azzopardi ma mexiex mal-proċedura.
Huwa kellu jmur għand l-Ispeaker biex jitlob lill-Ministru Bonici jikkjarifika u mhux jgħid li gideb. Huwa kkwota rulings ta’ eks speakers li kollha ddeċidew li l-kliem gideb jew giddieb m’humiex aċċettabbli.
“L-Oppożizzjoni tgħajjar lill-Gvern bla limjitu iżda mbagħad ħadd majista’ jikkritikaha”, sostna Zammit Lewis.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis ikkundanna bla riserva l-ispekulazzjoni li qed tinkiteb dwar saħħet iċ-chief of staff tal-Prim Ministru.
Meta ntroduċa l-mozzjoni, il-Viċi Kap tal-PN, Beppe Fenech Adami sostna li r-ruling kien żbaljat u Azzopardi kellu raġun.
Sostna li “Aħna l-membri tal-Oppożizzjoni nagħmlu tagħna dak li qal Jason Azzopardi.”
Fenech Adami qal li l-argument tal-ispeaker kien illoġiku u preċident perikoluż għax Azzopardi kiteb fuq il-media soċjali u l-kliem sar barra l-Parlament.