Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-innovazzjoni, u l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, sabiex 200 parkeġġ fl-iskola primarja tal-Kulleġġ Marija Reġina jingħataw lill-komunità.
B’dan il-ftehim, li mhux se jaffettwa l-istaff tal-iskola, parti mill-parkeġġ f’din il-lokalità issa jinsab f’idejn il-Kunsill Lokali.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-iskola, is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, tkellem dwar għaliex dan il-ftehim huwa importanti għal-lokalità.
Huwa spjega kif din l-inizjattiva se ttaffi n-nuqqas ta’ parkeġġ f’din l-akbar lokalità f’pajjiżna.
“Ovvjament, huwa importantissimu għal diversi raġunijiet. San Pawl il-Baħar għandu l-akbar popolazzjoni f’Malta u għaldaqstant il-problemi tal-ipparkjar kulħadd jafhom.
Is-Sindku tkellem magħna dwar ’inhu l-pass li jmiss sabiex dan il-parkeġġ ikun disponibbli għall-komunità.
“Dan mhux se jinfetaħ mil-lum għal għada. Inkun irresponsabbli jekk il-Kunsill iwiegħed li se jinfetaħ mil-lum għal għada. Illum dan l-iffirmar tana s-saħħa li l-Kunsill japplika għal-liċenzja biex parkeġġ li bħalissa huwa meqjus privat jiġi għall-pubbliku. Hemm proċess ieħor li jieħu ż-żmien, illi noħorġu tender biex ikollna operaturi joperaw dawn il-liġijiet u l-istandards li tiddetta l-liġi llum.”
Min-naħa tiegħu, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Marija Reġina, li din l-iskola tagħmel parti minnu, Patrick Decelis, qal li dan il-ftehim sar wara diversi diskussjonijiet.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, li qal li din hija parti mill-viżjoni tal-Gvern li l-iskejjel jieħdu l-ħajja wara l-ħin tal-iskola.
“Benefiċċju għar-residenti li issa se jkollhom żieda addizzjonali ta’ dawk li huma l-ispazji tal-parkeġġ. Ovvjament, wieħed jifhem li se jkollok regolamenti marbuta mal-istess parkeġġ. Pero, l-aktar ħaġa importanti hija li wieħed jassigura illi dan l-użu ma jkunx f’kunflitt ma’ dak li huwa l-użu tal-akkademiċi u anki tal-istaff amministrattiv u allura, iva, il-Kunsill se jkollu l-fakulta li jamministra mal-200 parkeġġ għar-residenti tal-lokalità.”