B’investiment ta’ €350,000, Infrastruttura Malta fetħet parkeġġ pubbliku ġdid biswit il-Kulleġġ San Tumas More f’Ħal Tarxien.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-parkeġġ il-ġdid stess.
Fil-fatt tħabbar kif dan il-parkeġġ il-ġdid jinkludi fi ħdanu 128 parkeġġ għall-vetturi. Dan filwaqt li ż-żona li jinsab fih jagħmilha faċli biex nies li jkunu jridu jmorru lejn il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien, jipparkjaw hemm u jimxu biss 200 metru.
Il-parkeġġ fih ukoll waqfiet ġodda għax-xarabanks, għal aktar sigurtà għall-istudenti tal-iskola. Iwassal ukoll għall-mina tal-mixi u r-roti bejn Ħal Tarxien u Santa Luċija, li Infrastructure Malta bniet fl-2020 bħala parti mill-proġett tal-mini tar-roundabout ta’ Santa Luċija.
Ix-xogħlijiet li saru inkludew it-tpoġġija ta’ cables taħt l-art għal sistema ta’ dawl ġdida u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita.
Intant wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, Infrastructure Malta sebbħet iż-żona tal-parkeġġ bi 15-il siġra taż-żebbuġ, 12-il siġra tal-palm u 400 arbuxell u pjanti oħrajn żgħar. Il-kuntratturi tal-aġenzija ser ikomplu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar u arbuxelli fis-snin li ġejjin. Il-parkeġġ fih ukoll stazzjonijiet għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi.
Il-Ministru Ian Borg li indirizza din il-konferenza tal-aħbarijiet tenna s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-proġett li kien ilu fuq l-ixkaffa għal madwar 35 sena. “Anke inħarsu lejn sistemi li l-Infrastruttura tagħna għandha bżonn għal illum u għal għada bħal dawk tal-vetturi elettriċi u allura c-charging stations rispettivi. Jiena kuntent bix-xogħol li għaddejja bih Infrastructure Malta mhux biss bi proġetti kbar, Central Link, Marsa Junction imma anke bi proġetti bħal dawn li jagħmlu differenza kbir fil-komunità.”