Ġie inawgurat parkeġġ ġdid pubbliku għall-ikbar bajja bir-ramel li għandna f’pajjiżna, il-bajja tal-Għadira. Dan b’investiment ta’ miljun u tliet mitt elf ewro li permezz tiegħu ser tkun qed tiżdied l-aċċessibilità tal-bajja, kemm għall-Maltin u għat-turisti li jgawdu l-ġranet Sajfin fuq din il-bajja.
Projects Plus ħadet ħsieb biex dan il-parkeġġ jissebbaħ ukoll permezz ta’ diversi siġar u arbuxelli. B’kollox inżergħu kważi elf siġra u arbuxelli.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg spjega kif f’dan il-parkeġġ li jesa’ madwar 350 karozza hemm ukoll numru ta’ parkeġġi għal persuni b’diżabilità, li huma l-eqreb lejn il-bajja. Huwa stqarr kif f’dan iż-żmien fejn pajjiżna bħal kumplament tad-dinja qed jaffaċja pandemija, in-nies iridu jkomplu jaraw iżjed proġetti li ser itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom anke għal wara l-pandemija.
Huwa qal, “In-nies wara l-pandemija u anke matul il-pandemija tixtieq tibda tisma aħbarijiet pożittivi, Gvern li qed jaħdem għaliha u naħseb illi permezz ta’ dawn il-proġetti infrastrutturali li anke tejjeb l-aċċess fuq it-triq fuq in-naħa ta’ barra ta’ dan l-istess parkeġġ ta’ din iż-żona tkompli tagħti serħan il-moħħ lin-nies li l-Gvern qiegħed hemmhekk jaħdem għalihom.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li ż-żoni aċċessibbli għandhom ikunu hemmhekk għal kulħadd, tant li aktar kemm jiġu pprovduti dawn it-tip ta’ faċilitajiet biswit il-bajjiet iżjed ser tiżdied fil-pożittiv l-esperjenza turistika.
Huwa stqarr: “Dan il-parkeġġ ser jgħin sabiex intejbu l-aċċessibilità għal din l-akbar bajja f’pajjiżna, sabiex b’hekk inkomplu ngħollu dejjem iżjed anke l-kwalità tal-prodott turistiku illi qed joffri pajjiżna.”