Kull min se jidħol il-Belt Valletta fis-sebgħa u għoxrin ta’ Novembru, il-ġurnata magħrufa baħala l-Black Friday u bejn it-tmienja ta’ Diċembru sa l-aħħar tas-sena elfejn u għoxrin, jista’ jidħol jipparkja b’xejn fil-parkeġġ tal-MCP.
Din l-inizjattiva hija fost diversi inzijattivi oħra li ġew imħabbra t-Tnejn filgħodu fi pjazza Teatru Rjal, sabiex fiż-żminijiet ta’ festi tal-Milied, il-Maltin, l-Għawdxin u t-turisti jidħlu l-Belt.
Mill-għoxrin ta’ Novembru se jibdew uffiċjalment l-attivitajiet b’rabta ma’ dak meqjus bħala l-isbaħ żmien tas-sena, il-Milied. Se tispikka l-mixgħela tad-dwal f’diversi toroq ewlenin fil-kapitali Maltija, siġra tal-Milied u presepju partikolari u projezzjoni fuq tliet faċċati fi Pjazza San Ġorġ. Jikkumplimentaw lil dawn se jkun hemm attivitajiet oħra ta’ kant madwar it-toroq, teatru tat-triq u anke opra fil-miftuħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji ż-Żgħar u Medji qalet li dawn l-inizjattivi mhux biss se jdaħħlu lill-poplu fi spirtu tal-Milied fi żminijiet differenti, iżda wkoll se jixprunaw l-ekonomija fil-Belt.
Spjegat li, “In-nies u l-familji llum il-ġurnata kultant jgħidu x’nistgħu nagħmlu? Fejn nistgħu mmorru bil-familja? Il-Belt huwa post miftuħ, post fejn wieħed jista’ jinfirex u wieħed vers jista’ jgawdi dan il-mument vera sabiħ li wieħed ikun qed jistenna fl-aħħar tas-sena. Jiġifieri aħna narawha bħala inizjattiva tajba ħafna li ħa tkun qed tagħti għajnuna kbira lin-negozji tal-Belt.”
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef spjega li dawn l-attivitajiet kollha huma konformi mal-pariri li tat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Qal kif, “Din is-sena huwa żmien straordinarju imma bħala responsabbilità tal-Aġenzija, il-ħalfa tagħna hu li l-Covid-19 mhux ser toqtol l-ispirtu tal-Milied fil-Belt Valletta għall-familji Maltin, fuq kollox għat-tfal. Allura f’rispett sħiħ tal-protokolli għas-saħħa rnexxielna ntellgħu programm t’attivitajiet kulturali sbieħ ħafna, partikolari.”
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia saħaq li minn dawn l-inizjattivi se jgawdu wkoll l-istabbilimenti tal-ikel u ospitalità, li fl-imxija kellhom ukoll impatt.
Qal li, “Minkejja s-sitwazzjoni preżenti naturalment il-Belt Valletta tibqa’ importanti ħafna għall-istrateġija tal-MTA, propju għax hi destinazzjoni fiha nnifisha distinta u separata mill-kumplament tal-gżejjer Maltin.”
Indirizzaw ukoll din il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera u l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, fejn it-tnejn li huma tennew l-importanza ta’ attivitajiet simili sabiex ikun hemm ċaqliq pożittiv fis-setturi rispettivi tagħhom.