F’Għawdex se jkun qed isir park & ride għall-ħaddiema li jinżlu jaħdmu Malta u li ta’ kuljum isibu sfida biex isibu parkeġġ fl-Imġarr, minn fejn jitlaq il-vapur tal-Gozo Channel. Fil-fatt, il-Ministeru għal Għawdex ħareġ sejħiet għal offerti biex isir xogħol fis-sit magħżul biex ikun jista’ jibda jitħaddem dan il-park & ride. Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, ikkonfermat mal-gazzetta KullĦadd li nstab post fix-Xewkija maġenb il-ħeliport u hemm se jsir ix-xogħol wara li jkun aġġudikat it-tender.
Dan il-park & ride huwa wegħda tal-Partit Laburista kif ukoll tal-baġit.Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan kien wieħed mill-ewwel proġetti li beda jaħdem fuqu l-Ministeru f’din il-leġiżlatura, bl-ewwel fażi tkun studju dwar il-proġett fih innifsu, id-domanda li jrid jindirizza u wkoll rakkomandazzjonijiet għall-operat tal-park & ride.
Kien hemm ukoll proċess ta’ konsultazzjoni li jrid isir bħala parti minn eżerċizzju wiesa’. Din il-proposta għandha l-appoġġ tal-Assoċjazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu Malta.
Il-Ministru Justyne Caruana kkonkludiet billi qalet li dan il-Gvern huwa determinat li jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-Għawdxin speċjalment lil dawk li ta’ kuljum jaffaċċjaw tbatija u diffikultajiet kbar biex jaqsmu bejn il-gżejjer.