Minkejja li t-tiżjin hu sinonimu għall-mod li bih ikun enfasizzat l-ispirtu festiv ta’ dawn iż-żminijiet, il-mod ta’ kif wieħed iżejjen jista’ jkun ta’ periklu żejjed għalih u għal ta’ madwaru.
Dwar dan tkellimna aktar ma’ Anthony Pisani, li huwa d-Direttur tal-Operazzjonijiet fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li qasam magħna diversi ħsibijiet x’wieħed għandu jagħmel biex iżejjen b’mod sigur mingħajr ma joħoloq perikli żejda, b’mod partikolari fejn jidħlu l-fustumi tad-dawl.
“Jekk dan jibda jagħmel dak li ngħidulu bħala flickering meta mhux sippost jagħmilha dan it-tip tad-dawl, dak huwa l-ewwel sinjal li hemm xi ħaġa ħażina fil-fustum. Importanti li l-fustumi mhux nixtruhom u nippretendu li dawn ħa jservu snin twal għax dak ukoll ikollu expiry date, ir-raġuni hija dan kull darba li jintrama indawruh f’ċertu pożizzjonijiet.”
ANTHONY PISANI
Dan bil-konsegwenza li l-fustum jinqata’, bir-riskju jkun li dak li l-kurrent li jkun għaddej mill-wire, jikkawża short u jqabbad dak li l-fustum ikun imwaħħal miegħu, bħas-siġra tal-Milied.
Attenzjoni speċjali għandha tingħata lejn kull ħaġa li taħdem bid-dawl fejn enfasizza l-importanza li ma jintużawx multi plugs iżda minflok jintużaw extensions li jkunu ċatti.
“U jirrateja l-fuse importanti għaliex mhux kull plakka hija 13 AMP, trid tara x’wattage għandu l-fustun u inti tirrateja l-fuse accordingly iġifieri jekk għandek inqas minn 450 watts ma tridx tagħmel ma tridx tagħmel fuse 13 AMP imma tbaxxi l-fuses.”
ANTHONY PISANI
Pisani għadda parir ukoll lil dawk li jużaw siġra tal-Milied ta’ vera.
“Importanti li jsaqqiha kontinwament, jekk ħa tintuża siġra mejta jiġifieri nqatgħet imma qiegħda ġo pot anki dik irid isaqqi wkoll għaliex iz-zokk jinxef.”
ANTHONY PISANI
Hawn żied jgħid li jekk wieħed iħabbat is-siġra li jkun qed juża mal-art u jaqa’ ammont ta’ weraq, ma jużahiex għall-fatt li z-zokk ikun nixef ħafna u b’hekk ir-riskju li din tieħu n-nar ikun akbar.
“Il-pożizzjoni tal-Christmas Tree illum il-ġurnata qegħdin nibnu, kif tidħol id-dar ikollok l-open plan bil-kċina miegħek imbagħad għandek il-kuritur fejn ikollok il-kumplament tad-dar ma nagħmlux il-Christmas Tree fil-kuritur biex jekk aċċidentalment ikun hemm nar ma ninqabdux hemm ġew u ma nkunux nistgħu noħorġu mill-kuritur minħabba l-fjammi tan-nar.”
ANTHONY PISANI
Preferibbilment is-siġra tal-Milied lanqas titpoġġa f’kantuniera minħabba li n-nar jinfirex aktar malajr meta jkollu ma fejn jitla’.
Pisani appella wkoll biex wieħed ikun kawt ukoll tat-tiżjin li jagħmel biswit il-fireplace b’mod partikolari jekk dan ikun tal-injam veru, fejn stqarr li hawn għandu jiżżejjen b’affarijiet taċ-ċaqquf hekk kif enfasizza li affarijiet tal-karti jew materjal ieħor li jaqbad faċilment m’għandhomx jersqu lejn din il-parti tal-kamra.
Anthony Pisani qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu ukoll fejn tidħol ir-responsabbiltà fit-toroq tagħna, hekk kif nnota li s-sewqan taħt l-effett qatt m’għandu jkun b’mod partikolari f’dan iż-żmien meta jittellgħu ħafna attivitajiet soċjali.
“Ovvajment moderazzjoni fix-xorb illum hawn il-faċilitajiet, hawn mezzi oħra, juża mezzi oħra ma jgħaddix minn dik l-istorja li wara jiddispjaċih speċjalment jekk minħabba li jkun xorob ikun spiċċa biex qatel lil sħabu li jkunu madwaru, dak garanzija li għomru u żmienu sakemm idum ħaj jibqa’ jiddispjaċih.”
ANTHONY PISANI