Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu parir legali biex itawwal kemm jista’ b’rabta ma’ kawżi ta’ libell li nfetħulu fuq allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u diskorsi u dikjarazzjoni li għamel b’rabta mal-Panama Papers.
Dan bil-għan li jekk hu possibbli l-ebda każ ma jinqata’ qabel l-elezzjoni ġenerali. Imkejjen fid-Dar Ċentrali kkonfermaw dan mal-gazzetta KullĦadd għaliex fi kliemhom l-avukati qed jgħidu li Busuttil m’għandux il-provi biex jipprova diskors pubbliku li għamel u li fuqu kien imħarrek minn individwi li ħassewhom malafamati.
L-imkejjen innotaw kif dik li rajna din il-ġimgħa meta Simon Busuttil qal fil-Qorti li ried ikun jaf fuq xiex illibellah Keith Schembri hija biss parti minn din l-istrateġija, tant li diġà ma resaqx għal din il-kawża ħames xhur ilu.
Fil-fatt minkejja li qal li ma kienx jaf fuq xiex ħassu malafamat Keith Schembri, one.com.mt ippubblika dokument li fih wera li kien ċar ħafna li f’dan il-każ Busuttil issejjaħ il-Qorti b’rabta ma’ diskors li għamel fis-6 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet.