• BĦALU GĦADD TA’ SPEĊI OĦRA
Bidla fil-liġijiet internazzjonali dwar speċi meqjusa bħala rari jew fi ħtieġa ta’ protezzjoni se taffettwa wkoll persuni f’pajjiżna li għandhom dawn it-tipi ta’ annimali jew għasafar.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed timponi reġistrazzjoni ġdida għal min diġà għandu rettili differenti bħaċ-Chinese Crocodile Lizard u l-Masobe Gecko jew il-ħuta Clarion angelfish. Wieħed isib ukoll għadd ta’ pjanti rari fosthom ir-Rosewood u n-Nautilus.
Dan kollu qed isir wara tibdil li sar fil-Konvenzjoni Internazzjonali ta’ xiri ta’ dan it-tip t’annimali f’Settembru li għadda. L-annimali li hemm fil-lista saru iktar protetti u għalhekk meta persuna tiġi biex tikseb il-permess biex tbigħ, turi l-annimal f’wirja, jew tibgħat lill-annimal minn post għall-ieħor, se tkun qed tintalab ċertifikat.
Min jirreġistra l-annimali issa se tkunlu iktar faċli biex jikseb il-permessi neċessarji. Alex Borg, uffiċjal tal-ERA, għamilha ċara li għal kull tip ta’ moviment ta’ dawn l-annimali, anke jekk wieħed lokali, se jkun hemm bżonn jinħareġ permess.
“Anke jekk xi ħadd ħa jbigħ minn dawn l-annimali Malta stess, dan se jkollu bżonn iċ-ċertifikati. Jiġifieri mhux forsi xi ħadd iserraħ moħħu jgħid jien mhux se nbigħu barra minn Malta. Anke jekk ikun hemm kummerċ jew movimenti ġo Malta stess jiġu affettwati,” qal Borg.
Minħabba li bħalissa hemm ċerti tipi t’annimali li lanqas hu magħruf jekk hawnx minnhom Malta, din ir-reġistrazzjoni se tiswa tajjeb biex tinġabar ukoll informazzjoni fuq kemm hi kbira l-popolazzjoni ta’ dawn it-tipi t’annimali li jinżammu fid-djar f’pajjiżna. Din it-talba għal reġistrazzjoni se tolqot ukoll lil kull min qed irabbi l-African Grey Parrot li hu popolari ferm mal-Maltin bħala annimal tad-dar.
“L-African Grey Parrot li huwa tip ta’ pappagall griż u għandu l-aħmar fejn denbu huwa popolari mhux ħazin ma’ min iżomm il-pappagalli. Dan s’issa kellu ftit kontrolli fuqu, imma issa se jkun hemm anke restrizzjonijiet fuq x’jiġri meta jiċċaqlaq fl-Ewropa,” qal Borg.
Borg serraħ moħħ l-entużjasti kollha ta’ dawn it-tipi t’annimali li se jibqgħu jiġu importati wara li jagħlaq il-perjodu tar-reġistrazzjoni. Madankollu, annimali li jinkisbu wara mhux ser ikollhom għalfejn jiġu rreġistrati Malta minħabba li meta jinġiebu f’pajjiżna ser ikollhom diġà ċ-ċertifikati meħtieġa. Minħabba li dawn l-annimali jġibu magħhom valur kummerċjali kbir, ir-reġistrazzjoni tagħhom hija importanti biex tevita li jinqabdu annimali mill-ambjent naturali tagħhom u jiddaħlu f’pajjiżna illegalment.
Meta ssir ir-reġistrazzjoni l-awtorità tista’ tagħmel spezzjonijiet fuq dawn l-annimali biex tassigura li d-dettalji kollha mgħotija huma korretti. Għalkemm l-importanza li jiġu rreġistrati hija kbira, sidien ta’ dawn it-tipi t’annimali mhumiex mitluba bil-liġi biex jagħmlu din ir-reġistrazzjoni.
Borg qal li mhux se jieħdu passi kontra min ma jirreġistrax l-annimali tiegħu. Madankollu “jekk xi ħadd ma jirreġistrax mhu qed jikser l-ebda liġi imma jekk eventwalment ħames snin oħra jiġi biex japplika għall-permess, mhux ħa jkollu reġistrazzjoni li ħa tgħinu li jipprova li fil-fatt dak l-annimal kien għandu qabel inbidlet il-liġi, allura jista’ jkun li daħal wara, meta kellu bżonn li biex jidħol iġib ċerti ċertifikati, allura tiġi li jekk m’għandux dawk iċ-ċertifikati m’hemmx prova jekk dak l-annimali hux legali jew le.”
Jekk persuna tiġi bżonn il-permess ta’ dan l-annimal u dan ma jkollux, hemmhekk jista’ jagħti l-każ li l-annimal jiġi sekwestrat u jittieħdu passi kontra s-sid.
Alex Borg stqarr li dan iż-żmien ta’ reġistrazzjoni qed isir biss biex jgħin liċ-ċittadin u għal ebda motiv ieħor. Għalhekk l-Awtorità mhux ser tkun qed timponi ħlas marbut ma’ dan is-servizz. L-ERA qiegħda titlob li r-reġistrazzjoni ssir sas-17 ta’ Frar .