Kanonizzati flimkien illum 14 t’Ottubru 2018 fi Pjazza San Pietru. Il-Papa Franġisku hekk iddeċieda, li jiddikjara qaddisin lil Papa Montini u lill-martri Monsinjur Oscar Arnulfo Romero-Gadalmez fl-istess żmien li fil-Belt Eterna qed iseħħ sinodu tal-Isfqijiet meqjus ta’ importanza kbira u li hu ddedikat għaż-żgħażagħ.
Din id-deċiżjoni l-Papa Franġisku kien ħada f’konċistorju ordinarju pubbliku li kien seħħ f’Ruma nhar id-19 ta’ Mejju 2018.
Il-Papa tal-Konċilju Vatikan II, Giovanni Battista Montini li kien miet f’Castel Gandolfo nhar is-solennità tas-Salvatur tal-1978 u li sitta u tletin sena wara kien iddikjarat beatu mil-Papa Franġisku; u l-Arcisqof Salvadoren Oscar Arnulfo Romero-Gadalmez, martri, li kien maqtul brutalment fil-mument tal-konsagrazzjoni waqt quddiesa li kien qed iqaddes, magħruf ahjar bħala l-Isqof tal-fqar.Minkejja dan, il-poplu Salvadoren xtaq li l-kanonizzazjoni ta’ Romero kellha sseħħ f’pajjiżu stess imma l-Papa Franġisku kellu ħsieb differenti. Xtaq jiddikjarah qaddis fi Pjazza San Pietru fiċ-ċentralità tal-Knisja Universali.
Il-martirju ta’ Romero ma seħħx biss meta l-kriminali serqulu ħajtu imma beda bis-sofferenzi tiegħu għall-persekuzzjoni preċedenti qabel temmewh u anke wara mewtu kienu komplew jikkalunjawh u jitfgħulu t-tajn. Anke r-relazzjoni ta’ Ruma ma dan il-qaddis mhux dejjem kienet meqjusa bħala eċċelenti. F’ħinijiet kien anke waqa taħt suspett li kien qed jaqbeż il-linja ta’ dak li fid-dmir kellu jattwa bħala membru tal-episkopat Kattoliku.
Pawlu VI ma kienx Papa kwalunkwe. Kien il-Papa li saq il-Knisja fil-mewġ għoli kemm waqt il-Konċilju Vatikan II kif ukoll fl-ewwel snin ta’ wara. Kienet era diffiċli ħafna kemm għad-dinja kif ukoll għall-Italja. Kienet l-era tat-terroriżmu, tal-Brigate Rosse. It-Taljani kien jsejħu dik l-era bħala “l’era di piombo”. Erba’ xhur qabel mewtu Papa Montini kien segwa mill-qrib il-htif u l-qtil tal-ħabib intimu tiegħu l-politiku tad-DC Aldo Moro minn idejn il-manigoldi tal-Brigata Rossa.
Kien l-ewwel Papa tas-seklu għoxrin li ħareġ għall-ewwel darba mill-konfini Taljani. Papa li żar l-Art Mqaddsa, l-Amerika, l-Oceania, l-Awstralja u l-Asja. Wasal ukoll sa ftit mijiet ta’ mili ‘l bogħod miċ-Ċina ta’ Mao. Kien ukoll l-ewwel Papa li indirizza l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda fi New York nhar it-Tnejn 4 t’Ottubru 1965 meta b’vuċi soda u determinate kien qal: “Qatt aktar gwerra!” Papa Montini huwa meqjus ukoll bħala l-Papa li tejjeb id-diplomazija Vatikana.
Hu kien iħobb jirrepeti l-Arcisqof Romero: “Hu nkonċepibbli li wieħed jigħd li hu nisrani, u ma jassumix triq preferenzjali għall-fqar kif kien iħobb jagħmel Kristu. Ejjew nieħdu bis-serjetà l-kawżi tal-fqar, aktar minn hekk u fuq kollox l-istess kawza ta’ Ġesu Kristu!”