Il-Papa Leone XIV, li għadu kemm ġie elett, probabbilment hu wieħed mill-aktar li qatt żaru pajjiżna fl-aħħar snin, partikolarment minħabba r-responsabbiltà, li kellu fir-rwol ta’ Pirjol Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għal 12-il sena.
Fil-fatt, bejn l-2001 u l-2013, Robert Francis Prevost żar Malta diversi drabi biex, fost l-oħrajn, ippresieda Kapitli Provinċjali u għamel żjajjar kanoniċi kemm lill-Patrijiet Agostinjani u anke lis-Sorijiet Agostinjani, li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Minbarra dan ir-rwol ewlieni tiegħu, jirriżulta li, matul is-snin, hu żamm kuntatt mill-qrib ma’ diversi aħwa Agostinjani Maltin.
L-aħħar li ġie Malta kien f’Novembru tal-2023 fejn indirizza l-Assemblea Plenarja tal-Kunsill tal-Isqfijiet Ewropej, li kienet saret fostna.
Dakinhar hu wkoll ippresieda l-Ewkaristija fil-Bażilika tal-Mosta u għadda ftit ħin mal-komunità Agostinjana tal-Belt.