It-titjira tal-Air Malta KM4282 ser tkun qed tieħu lil Papa Franġisku mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lejn l-Ajruport ta’ Fiumicino f’Ruma u b’hekk ser tkun qed tagħlaq iż-żjara ta’ jumejn li l-Papa għamel f’pajjiżna.
L-ajruplan tat-tip Airbus A320 ser ikun imtajjar mill-Kaptan Peter Mifsud flimkien mal-Kaptan Frank Xerri u l-Kaptan Karen Sant.
L-ekwipaġġ ser ikun immexxi minn Louiselle Cauchi filwaqt li l-membri tal-ekwipaġġ abbord ser ikunu Evan Cutajar, Michelle Gatt, Yvette Mercieca, Yanika Debono, Glorianne Mifsud u Mary Mifsud.
In-numru tat-titjira, KM4282 intgħażel apposta u jissimbolizza it-tieni vers tat-tmienja u għoxrin kapitlu tal-Atti tal-Appostli li kienu t-tema tal-Vjaġġ Appostoliku ta’ Papa Franġisku f’Malta.
Atti 28,2 “Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.”
It-titjira hi skedata li titlaq mill-Ajruport Malti għall-ħabta tas-6:15pm u għandha tasal f’Ruma għall-ħabta tat-7:45pm.