Hekk kif il-kundizzjoni tiegħu matul il-jum tal-bieraħ baqet waħda stabbli u ma kellu l-ebda kriżi respiratorja, il-Papa Franġisku għamel telefonata lill-Parroċċa Kattolika ta’ Gaża fejn kellem lil Father Gabriel Romanelli, il-Kappillan tal-Knisja ddedikata lis-Sagra Familja.
Qabel ma daħal l-isptar, minn Ottubru 2023, dawn it-telefonati ma’ Father Gabriel Romanelli u Father Youssef Asaad kien jagħmilhom kuljum sabiex jaġġorna ruħu fuq is-sitwazzjoni ta’ Gaża.
Skont l-istqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija mill-uffiċċju tas-Santa Sede, filgħodu l-Papa ipparteċipa fir-rit tal-Erbgħa tal-Irmid flimkien maċ-ċelebrant u wara rċieva l-Ewkaristija.
Fl-appartament privat tiegħu sitwat fl-10 sular tal-Isptar Gemelli huwa wkoll għamel xi xogħol ieħor relatat mal-Vatikan.
Aktar kmieni, kif kien ippjanat, huwa tneħħa minn fuq il-ventilazzjoni mekkanizzata u baqa’ jutilizza l-ossiġnu permezz tal-maskla. Żied ukoll it-terapija sabiex jissaħħaħlu n-nifs.
Għalkemm il-qagħda tal-Papa bħalissa hija waħda stabbli, xorta tibqa’ kritika u mhux eskluż li jista’ jkollu xi attakki respiratorji dovuti għat-tneħħija ta’ mukus mill-bronki.
Sadanittant, it-talb għall-fejqas tiegħu jkompli mill-fidili Kattoliċi madwar id-dinja inkluż dawk quddiem l-isptar Gemelli ta’ Ruma fejn il-Papa ilu rikoverat mill-14 ta’ Frar.