Fuq l-ajruplan fi triqtu lejn Ruma, Papa Franġisku qal li fiż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex seta’ jara l-entużjażmu kbir tal-poplu f’kull triq li għadda minnha.
Waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti abbord l-ajruplan tal-Air Malta, anke kif irrappurtat mis-sit uffiċjali tal-Vatikan, Papa Franġisku qal li din iż-żjara qasira f’pajjiżna ħallietu ferm impressjonat u li vera huwa ferħan biha.
Il-Papa, anke kif għamel f’okkażżjonijiet differenti, ikkundanna bil-qawwa l-attakki li qed isiru mir-Russi fl-Ukrajna u qal li hu, u anke l-Vatikan, se jagħmlu dak kollu possibli u li hemm bżonn.
Is-Suċċessur ta’ Pietru li jippriedka ħafna dwar il-paċi, qal li se jibqa’ jikkunsidra sal-aħħar li jagħmel żjara fl-Ukrajna, iżda għalissa ma jistax jikkonferma dan.
Bosta ġurnalisti oħra staqsewh dwar il-gwerra u l-Papa Franġisku, konsistenti fil-messaġġ tiegħu, dejjem qal li se jibqa’ jaħdem u jitlob għall-paċi u l-għaqda fid-dinja.
Il-Papa wasal Ruma lbieraħ wara żjara ta’ jumejn f’Malta, fejn fost l-oħrajn fiha wassal messaġġi profondi lid-dinja kollha.