Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku qal li jekk saħħtu tibqa’ sejra lura, jikkunsidra li jirriżenja mill-irwol tiegħu bħala Isqof ta’ Ruma.
Papa Franġisku qal hekk propju meta kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem żjara Appostolika ta’ sitt ijiem fil-Kanada.
Iż-żjara fil-Kanada kienet ikkaraterizzata mill-appoloġija li l-Papa għamel lill-komunitajiet indiġeni, hekk kif fil-passat dawn sfaw vittmi ta’ abbuż minn membri tal-Knisja.
Abbord l-ajruplan fi triqtu lejn Ruma, Papa Franġisku qal li għalissa huwa beħsiebu jkompli bl-irwol tiegħu bħala suċċessur ta’ Pietru u Kap tal-Knisja Kattolika, u jekk jasal iż-żmien biex jirreżenja huwa jħalli f’idejn Alla.
Il-Papa, ta’ 85 sena, fl-aħħar xhur deher fil-pubbliku juża s-siġġu tar-roti minħabba problemi f’siequ. Iżda ċaħad li għandu kundizzjonijiet serji ta’ saħħa.