Paolo Gentiloni huwa mistenni li jieħu post Matteo Renzi bħala Prim Ministru tal-Italja. Il-President Taljan Sergio Mattarella se jiltaqa’ ma Gentiloni, li preżentament qed iservi bħala Ministru għall-affarijiet barranin illum, dan ġie mħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċju tal-President. Huwa mistenni li f’din il-laqgħa, Mattarella jsaqsi lil Paolo Gentiloni biex jieħu post Renzi.
Rapporti fil-midja Taljani qalu li huwa mistenni li Gentiloni jaċċetta din il-kariga u se jkun qed jipprova jifforma Gvern ġdid qabel is-Summit Ewropew li jmiss, fil-15 ta’ Diċembru.
Gentiloni ilhu għal żmien twil fil-karriera politika u jgawdi minn relazzjoni tajba ma’ Matteo Renzi.
Renzi rriżenja wara li t-Taljani qalu le għall-proposti ta’ bidliet kostituzzjonali li kien qed jipproponi l-Prim Ministru Matteo Renzi. Biex żamm mal-kelma li jorbot il-kariga tiegħu mar-riżultat tar-referendum.
Referendum li kien qed iqisu bħala wieħed importanti ħafna minħabba li kien qed jipproponi bidliet fil-mod kif jaħdem il-proċess demokratiku fl-Italja, pajjiż fejn ħafna drabi ddominat l-instabbiltà u fejn il-proċess leġiżlattiv huwa wieħed li jieħu fit-tul ħafna.
Jirriżulta li l-LE rebaħ b’madwar 60% tal-voti biex it-telfa għal Renzi kienet meqjusa bħala waħda kbira.