B’sitt rebħiet minn daqstant logħbiet u wara ħafna logħob kompetittiv, Paola BC rebħu l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Mixed Teams League – Powered by VICTOR. Dan għamluh għall-ħames sena konsekuttiva u għat-tlettax-il darba fl-istorja tal-klabb tagħhom.
Kif jixhdu ir-riżultati tal-logħob, kienet kompetizzjoni missielta fejn Paola BC rnexxielhom jirbħu lil Luxol BC u lil Birkirkara BC Polidano Press Ltd. bi skor identiku ta’ 3-2. Fil-Mixed Teams League ta’ din is-sena il-plejers kellhom sfida doppja minħabba li l-kompetizzjoni kellha tiġi posposta minħabba il-pandemija tal-COVID 19. Din ħolqot pressjoni kemm fiżika kif ukoll psikoloġika fuq il-plejers, li minn naħa tagħhom, xorta waħda taw dak kollu li setgħu biex offrew logħob li ħolqu spettaklu għal dawk kollha li kienu preżenti. Ir-rivalita’ bejn il-klabbs kienet ta’ motivazzjoni biex il-plejers flimkien mal-kowċis tagħhom jagħmlu ir-ritorn tagħhom b’suċċess.
Mark Abela, wieħed mill-plejers ta’ Paola BC kif ukoll plejer li jiprattika fl-iSportMalta Badminton Academy, qasam magħna is-sodisfazzjon tiegħu wara dan is-suċċess u li issa jerġa’ jiffoka biex ikompli itejjeb il-livell tiegħu u jkun jista’ jikkompeti f’iktar kompetizzjonijiet internazzjonali.
Badminton Malta issa bdiet il-preparazzjonijiet tagħha għall-istaġun il-ġdid u tispera li tkun tista toffri kalendarju mimli daqs bajda għall-entużjasti kollha tal-Badminton f’Malta, kemm plejers kompetittivi kif ukoll dawk li jilgħabu il-Badminton bħala passatemp sportiv. Dan se jsir permezz ta’ kompetizzjonijiet immirati għal kull livell.
Ritratt: CNG Photography