Il-Gvern Ingliż se jissospendi l-liġi tal-kompetizzjoni sabiex jindirizza l-problema tal-fjuwil li hemm bħalissa madwar il-pajjiż.
Il-midja internazzjonali qed tirrapporta kif quddiem il-pompi fir-Renju Unit hemm sriebet twal ta’ karozzi kollha jistennew sabiex jingħataw il-fjuwil.
Il-problema primarjament ġejja minn nuqqas ta’ xufiera tat-trakkijiet madwar il-pajjiż, li wasslet biex anke jiġi affetwat dan is-settur. Ħaġa li wkoll ġabet magħha paniku kbir fost iċ-ċittadini li ta’ kuljum jużaw il-vetturi tagħhom.
Il-Ministri kkonċernati qed jikkunsidraw ukoll biex il-fjuwil għalissa jitqassam mill-armata tal-pajjiż, ħaġa li se tkun diskussa fil-Kabinett Ingliż it-Tnejn.
Intant, l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Pompi tal-Petrol qalet kif żewġ terzi tal-membri tagħha li jammontaw għal 5,500 sid spiċċaw mingħajr fjuwil, bil-bqija għandhom it-tankijiet li wasslu fil-qiegħ.