F’survey li sar xi snin ilu minn rivista influwenti barranija fil-perjodu tal-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-sena ġew ikkuntattjati diversi ambaxxaturi minn pajjiżi differenti u ġew mistoqsija jesprimu x-xewqa tagħhom għal dan il-perjodu hekk sabiħ fil-kalendarju tas-sena.
L-ambaxxatur Amerikan wieġeb li xtaq jara aktar ftehim bejn il-pajjiżi tad-dinja. Dak Ingliż xtaq li jkun hemm aktar armonija bejn il-Kontinenti. L-ambaxxatur Ġermaniż stqarr li kien jixtieq jara li tikber il-kuxjenza favur il-klima u l-konsegwenzi tat-tniġġiż fl-arja. L-ambaxxatur Taljan wera x-xewqa li jonqos il-faqar fid-dinja. L-ambaxxatur Malti min-naħa tiegħu ġie kkwotat jgħid… Lanqas naf eżatt….naqra indeċiż bejn panettone jew mince pies!”
Ta’ Malti li hu l-ewwel ħsieb mar għal żaqqu.
Biex ipatti għal din il-gaffe, l-ambaxxatur ikkonċernat talabni sabiex ġentilment jaqsam magħkom il-qarrejja xi ftit ħsibijiet leġġeri għal dan iż-żmien tas-sena.
U b’serjetà liema bħalha jistaqsi:
-Vera li meta kienu jsiru l-laqgħat tal-Gvern li Jisma’ kienu jitqassmu l-cotton buds lill-mistednin kollha bit-tama li kulħadd jisma’ aħjar?
-Vera li l-membri tal-Kummissjoni Venezja ġew għal-laqgħat f’Malta libsin buz minħabba li l-belt ta’Venezja ħafna drabi tispiċċa taħt l-ilma?
-Vera li meta l-ipokresija tkun grassa, ikollha livell għoli ta’kolesterol minħabba l-livell tal-grass jew xaħam li jkollha?
-Vera li meta jitqajjem Ksur ta’ Privileġġ fil-Parlament jintalab l-intervent ta’ xi First Aider li jkun jista’ jivverifika x’tip ta’ ksur ikun hemm?
-Veru li min isegwi Parliament Tv mill-qrib qiegħed ibati minn stat ta’ tensjoni kbira?
-Vera li l-iġganti tat-Tritoni beħsiebhom jiftħu kafetterija ladarba mdorrijin iżommu l-gabarre’ fuq il-pala t’ idejhom?
-Veru li hawn min solva l-problema tal-parking billi xtara bil-lest karozza pparkjata?
Minbarra dawn ir-riflessjonijiet profondi, l-istess ambaxxatur issuġġerixxa xi rigali xierqa li xi mexxejja barranin jistgħu jirċievu għal dan iż-żmien ta’ festi.
Lill-President Amerikan Donald Trump wieħed jista’ jirregalalu kazzola miksija bid-deheb sabiex ikun jista’ jagħmel użu minnha waqt li qed jibni l-ħajt mal-Messiku.
Lill-Prim Ministru Ingliża Theresa May jixraq li wieħed jagħtiha globu, rifless ta’ kif inhu r-Renju Unit ta’ Brexit/No Brexit ta’ bħalissa.
Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte jixraqlu ktieb bit-titlu, ‘Kif tista’ tkun Prim Ministru fil-preżenza ta’ żewġ viċi Prim Ministri li jridu jikkmandaw huma!’
Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel tista’ tirċievi kalendarju bl-aktar postijiet sbieħ fid-dinja fejn tista’ tmur tistrieħ wara li tirtira mix-xena politika ta’ pajjiżha, kif ħabbret li se tagħmel.
Lill-Prim Ministru Malti Joseph Muscat l-isbaħ u l-aqwa rigal huwa dak tas-serenità u aktar ħidma fejjieda favur il-pajjiż.
U lill-Maltin u l-Għawdxin kollha: Sliem u Saħħa.