Hekk kif l-istaġun tal-lampuki jinsab viċin, għal sena oħra, il-Ministeru għal Għawdex ser ikun qed jassisti lis-sajjieda billi jqassam ammont sostanzjali ta’ palm. Dan il-palm se jitqassam mingħajr ħlas lis-sajjieda bbażati ġewwa Għawdex u li rreġistraw personalment għal din l-għotja.
Matul ix-xhur li għaddew, il-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ ħaddiema fi ħdan il-Ministeru, ħa ħsieb biex jitratta l-palm li jinsabu mifruxa madwar il-gżira u f’għadd ta’ ġonna pubbliċi u eventwalment jiżbor din il-pjanta.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan it-tqassim ta’ palm se jingħata mingħajr ħlas lil dawk is-sajjieda li japplikaw. Hi rrimarkat li l-pjan ta’ azzjoni li implimenta l-Ministeru għal Għawdex fir-rigward tal-ħarsien tas-siġar tal-palm qed iħalli l-frott mixtieq. Il-Ministru Caruana qalet li ttieħdu ċertu miżuri biex din is-siġra tiġi protetta u dan biex il-problemi li qed jaffaċċjaw is-sajjieda Għawdxin jiġu mtaffija u s-siġra tal-palm tibqa’ waħda b’saħħitha.
Il-Ministru Caruana semmiet kif il-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jaħdem bla heda biex jittejbu l-faċilitajiet għas-sajjieda fil-portijiet. Hi rrimarkat li saru interventi biex titranġa s-slip way li tinsab fil-port tal-Imġarr u fakkret kif ġew ippubblikati t-tenders għar-riġenerazzjoni tal-istess żona. Semmiet ukoll li bħalissa għaddej ix-xogħol minn Transport Malta biex jissewwa l-moll tax-Xlendi u li ser isir intervent biex titranġa d-dry area li tinsab fl-istess bajja.
L-applikazjonijiet għall-palm b’xejn jistgħu jinġabru mill-Ministeru għal Għawdex, mill-farm sperimentali tal-Gvern fix-Xewkija, u mill-Uffiċċju tas-Sajd tal-Ministeru għal Għawdex fil-Port tal-Imġarr u f’Marsalforn, kif ukoll minn fuq il-mobile app ‘mygozo’.
Ritratt: MGOZ