Il-Ġimgħa filgħaxija, il-faċċata tal-knisja ta’ San Lawrenz f’Għawdex iżżejnet b’palju li tniżżel fir-rekord nazzjonali ta’ Malta.
Dan il-palju bix-xbiha tal-istatwa ta’ San Lawrenz, huwa twil 70 pied b’wisa’ ta’ 20 pied. Fil-fatt, għalhekk issa tniżżel fir-rekord nazzjonali tal-akbar palju armat għall-festa.
ONE News tela’ sal-lokalità ta’ San Lawrenz Għawdex li f’dan tmiem il-ġimgħa qed tiċċelebra l-festa titulari ta’ San Lawrenz. Hemmhekk tkellimna ma’ James Grima biex jgħidilna x’kienet l-idea wara dan ir-rekord.
Qal, “Dan l-aħħar erba’ xhur, l-għaqda tal-armar ħadet ħsieb li tagħmel faldrappi u banadar ipprintjati u minn hemm ħarġet l-idea li bil-flus li qlajna mill-faldrappi u bnadar nagħmlu palju kbir quddiem il-knisja ta’ San Lawrenz.”
Dan ir-rekord ħadu ħsiebu l-Għaqda tal-Armar 10 ta’ Awwissu u l-Għaqda taż-Żgħażagħ f’San Lawrenz.
Intant, is-Sibt filgħaxija se jsir programm ta’ nar issinkronizzat mal-mużika biex imbagħad il-Ħadd tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Lawrenz.