Ali Mohammed Hassan ta’ tlieta u tletin sena mill-Palestina u jgħix il-Belt u Miriam Caruana ta’ erbgħa u tletin sena mill-Belt tressqu l-Qorti akkużati li frodaw sebgħin elf ewro mingħand anzjan bejn Diċembru tal-elfejn u sittax u Ottubru tal-elfejn u sbatax.
Il-Qorti semgħet kif l-anzjan kien għamel rapport lill-Pulizija f’Ottubru li għadda, fejn qal li żewġ persuni kienu qegħdin kontinwament jitolbuh il-flus.
Numru ta’ recordings tat-telefonati bejn Caruana u l-anzjan għaddew għand il-pulizija, u kkonfermaw l-akkużi tal-anzjan.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-difiża biex jingħataw il-ħelsien mill-arrest, hekk kif argumentat li għad fadal ix-xhieda li għadhom iridu nixhdu, inkluż il-vittma.
Id-difiża argumentat li jekk l-anzjan ħassu ntimidat, il-Qorti tista’ tordna lill-akkużati biex ma jersqux lejh, u jista’ jinħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest għat-tnejn li huma, u nżammu arrestati.