“Hemm xi kelma li nista’ nesprimi biha, din il-weġgħa ġol-qalb?”. Dan kien kliem, Bader Zina, Palestinjan minn Gaza, li ilu għal dawn l-aħħar 33 sena jgħix f’pajjiżna.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, Bader jirrakkonta kif, mis-7 t’Ottubru ’l hawn, il-komunikazzjoni m’oħtu fil-Palestina, kienet waħda diffiċli, iżda mill-aħħar jiem ilu tilef kull kuntatt m’oħtu, tant li ma jafx x’jista’ jkun sar minnha u familtha.
Dan minħabba li l-konflitt f’Gaza nqatgħet kull il-provvista essenzjali, kemm tad-dawl, ilma, fuels u anke tal-internet, fost l-oħrajn.
Spjega kif oħtu, bħal eluf ta’ Palestinjani oħrajn, kellha tħalli kollox warajha biex tipprova ssalva ħajjitha u ħajjet familtha.
“Min-naħa ta’ missieri, ili ma nisma’ mingħandhom, fl-aħħar ħmistax, xejn, inqatgħu l-kuntatti kollha fuq Facebook, Messenger. Imma min-naħa t’oħti kważi kuljum konna nikkomunikaw, l-aħħar li kellimtha tlett ijiem ilu, meta ż-żona li kienu qed joqogħdu fiha ġiet irrejdjatha, li hi post mal-baħar. L-aħħar informazzjoni, li tatni oħti, ‘qed niġu attakkati u bbombardjati u itolbu għalina ħalli nibqgħu siguri’.”
Żied jgħid li, minħabba li twieled fil-Kuwait, minkejja li hu Palestinjan, hu ma setax jidħol lura f’pajjiżu kawża tal-okkupazzjoni Iżraeljana, li ħakmitu. Storja li tmur lura s-snin, saħansitra minn qabel twieled hu.
“Hemm xi kelma li nista’ nesprimi biha, din il-weġgħa ġol-qalb? Qabel kien forsi, waqa’ sular jew żewġ sulari, xi ħaġa tibqa’, din id-darba, il-filmati qed juru biċ-ċar, li huma litteralment qed iniżżlu kollox, kollox qed isir trab. Qisha policy, burning them to the ground. Jiġifieri aħraq l-art u tħalli xejn fuqha.”
Semma wkoll l-armi sofistikati li qed jintużaw f’din il-gwerra, fosthom l-ajruplani, li qed iwasslu għall-qerda krudili ta’ diversi persuni, hekk kif skontu, il-militanti Iżraeljani ma jiddistingwux bejn il-militanti u l-persuni ċivili.
Qal li l-ebda persuna, li tħobb lil pajjiżha, ma tkun trid titlaq minn darha, jekk mhux kontra qalbha.
“L-ebda bniedem ma jrid jitlaq minn daru, sakemm ma jkollux affarijiet oħrajn, sakemm ma jiġix imkeċċi. Però jekk jirnexxielek tirreżisti t-tkeċċija, tirreżistiha, u hu dak li qed jagħmel il-poplu Palestinjan, ħafna drabi jaħsbu li l-poplu Palestinjan qiegħed hemmhekk, għax qed jinżamm bħala human shield. Fil-verità, hu qiegħed hemm għax m’għandux fejn joħroġ, it-tieni ħadd ma jitlaq minn daru, għax iħobbha.”
Bader appella lill-komunità internazzjonali biex taħdem favur il-paċi, għax l-inġustizzja ġġib ir-rabja u r-rabja tkompli tagħti s-saħħa lil dan iċ-ċiklu qerriedi.
Aċċenna wkoll għar-rwol importanti li għandha l-midja biex taħdem favur il-paċi, b’mod imparzjali.
“Nagħmel appell, lin-nies kollha. Illum il-ġurnata, parti mill-ġlieda hi l-midja. Aħna r-rwol tagħna, bħala nies li l-poter tagħna hu fil-pinna jew fil-keyboard, irridu nuru n-nies il-verità u nitolbu li jiġi inforzat il-paċi fuq min ma jridx.”
Temm jgħid li hekk kif il-Palestina qiegħda fil-Mediterran, jekk din il-gwerra teskala, il-Mediterran se jsofri minn konsegwenzi irreparabbli u b’hekk għandu jkun hemm sforz globali ħalli tirrenja l-paċi fil-Lvant Nofsani.