Hekk kif bħalissa għaddejin diversi wirjiet madwar il-pajjiż f’dan iż-żmien tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin, wieħed mill-postijiet li jilqa’ diversi persuni huwa r-Rabat. Barra l-attivitajiet li jittellgħu f’dawn il-jiem, kif ukoll il-qofol jintlaħaq nhar il-Ġimgħa l-Kbira bl-eqdem purċissjoni fil-pajjiż toħroġ mill-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’, parteċipi b’mod prinċipali nsibu l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam.
Barra s-sehem ewlieni tagħha fil-purċissjoni u fl-attivitajiet li jsiru fiż-żona, f’dawn il-jiem wieħed jista’ jammira l-Palazzo Xara, il-palazz li huwa d-dar ta’ din l-Għaqda Mużikali.
Biex wieħed jkompli jidħol fl-atmosfera, fis-swali tal-istess palazz, wieħed jista’ jżur ukoll wirja b’isem ta’ “Fik it-Tama Tagħna”, wirja li fiha qed ikunu essebiti bosta xbihat artistiċi, ħafna minnhom ferm antiki u devozzjonali, kollha propjeta’ ta’ diversi dilettanti Rabtin.
Il-Wirja tkompli tiftaħ kuljum mis-6.00pm sat-8.30pm, fejn imbgħad f’Ħamis ix-Xirka tiftaħ fl-10.00am sas-13.00pm, kif ukoll bejn il-5.00pm u l-11.30pm. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira tiftaħ mit-8.30am sa 12.00pm.
Barra din il-wirja, wieħed jista jgawdi wkoll wirja tal-Vestwarju li joħroġ fil-purċissjoni nhar il-Ġimgħa, mtella’ mill-Kummisjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, fis-Sala tal-istess każin.
