L-Awtorità tal-Ippjanar, b’kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, skedat Palazzo Marnisi fl-ogħla livell ta’ protezzjoni bħala proprjetà ta’ Grad 1, filwaqt li għarfet is-sinifikat storiku, arkitettoniku u soċjali tal-binja, bħala parti mill-impenn tagħha lejn il-konservazzjoni tal-wirt storiku nazzjonali.
Is-sit jinsab fiż-żona magħrufa bħala ta’ Marnisi, ’il fuq mill-bajja ta’ Marsaxlokk, u hi eżempju importanti ta’ arkitettura u wirt aristokratiku Malti tas-Seklu Sbatax.
Palazzo Marnisi nbena fl-1650 mill-Kaptan Giacomo Testaferrata de Robertis, li wiret il-patrimonju permezz taż-żwieġ tiegħu mal-pro-neputija tan-Nobbli Ugolino Bonnici, il-fundatur oriġinali tal-patrimonju.
Ir-residenza hi kompluta b’kappella privata ddedikata lil San Duminku, waqt li hi mżejna b’karatteristiċi arkitettoniċi sinifikanti, inklużi bankijiet skolpiti, balavostri u kolonni klassiċi, li jagħtuha preżenza maestuża.