Għaxar xhur ta’ ħidma u dedikazzjoni wasslu biex tlesta r-restawr ta’ faċċata ewlenija fil-Belt Valletta : Palazzo Ferreria – binja fi triq prominenti li tara eluf ta’ persuni, Maltin u turisti, jgħaddu minnha ta’ kuljum.
Ir-restawr kien jinkludi tindif, tibdil u tiġdid t’elementi diversi, xogħol fil-ġebel, irħam, ħadid u injam, fost l-oħrajn.
Dan kollu bil-għan li jkompli jispikka d-dettall tal-arkitettura rikka li toffri din il-binja.
F’ċerimonja kommemorattiva li saret l-Erbgħa filgħaxija, mal-mużika sinkronizzata, xegħlet il-binja restawrata; li ddisinjata mill-Perit Giuseppe Bonavia b’arkitettura tat-tieni nofs tas-seklu dsatax, inbniet lura fl-elf tmien mija erbgħa u sebgħin meta pajjiżna kien għaddej minn żmien ta’ tibdil.
Filfatt fl-istess żmien kienu nbnew ukoll is-Suq tal-Belt u l-Borża ta’ Malta.
Wara numru ta’ snin iservi għal għanijiet diversi, Palazzo Ferreria reġà sar proprjetà tal-Gvern, u beda jservi ta’ bini għal numru t’entitajiet importanti.
Jibqa’ magħruf ma’ kulħadd għax huwa marbut mas-servizzi soċjali.
Il-Gvernijiet sussegwenti kollha ħadmu biex dil-binja taqdi l-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.