L-Awtorità tal-Ippjanar tat lil Palazzina Vincenti, binja modernista li tinsab fil-promenade ta’ San Ġiljan, il-protezzjoni ta’ Grad 2. Konsegwentement ma tistax titwaqqa’.
L-Awtorità ħadet dan il-pass wara li kkonkludiet li Palazzina Vincenti għandha valur storiku u kuntestwali kbir.
Għalkemm hemm applikazzjoni pendenti biex din il-binja ta-Seklu 20 titwaqqa’, issa b’din il-protezzjoni din l-appikazzjoni għal żvilupp trid tinbidel radikalment sabiex jiġi żgurat li l-palazzina tiġi restawrata għall-glorja oriġinali tiegħa.
L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li, kif kienet wiegħdet wara li ħarġet Ordni ta’ Emerġenza għall-Konservazzjoni s-sena l-oħra, b’konsultazzjoni u ħidma mas-Soprintendenza tal-Wirt Kulturali, wettqet valutazzjoni bir-reqqa tal-binja, biex tara liema livell ta’ protezzjoni jixirqilha fuq medda twila ta’ żmien.
Din il-proprjetà nbniet wara t-Tieni Gwerra Dinjija mill-Perit Gustavo R. Vincenti, li kien responsabbli kemm għat-tfassil tal-pjanta kif ukoll għall-kostruzzjoni tagħha. Huwa użaha bħala r-residenza privata tiegħu sa ma miet f’April tal-1974 u hija meqjusa bħala waħda mill-kapolavuri tiegħu.
Il-proprjetà hija wieħed mill-aqwa eżempji ta’ arkitettura modernista f’pajjiżna, u tagħmel użu mill-konkrit rinfurzat. Fiha l-Perit Vincenti lagħab bil-forom ġeometriċi fit-tond u kwadri b’mod li ħadd qablu ma kien għamel.
Anki l-faċċati taż-żewġt idjar li jmissu mal-Palazzina Vincenti, waħda minn kull naħa, li wkoll huma ta’ stil modernista, ġew skedati bħala prorjetajiet ta’ Grad 2, filwaqt li fuq ġewwa tal-binjiet se jiġi skedat bħala Grad 3.
Ritratt: Art Deco Malta