Wara li l-Ħamis, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pakkett finanzjarju ta’ sebgħin miljun ewro t’investiment fin-nies, l-ekonomista rinomat Dr Gordon Cordina innota l-injezzjoni ekonomika li qed jagħti l-Gvern mhux biss biċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa li jitla’ sa massimu ta’ mija u erbgħin ewro, li huwa żieda fuq sena ilu, iżda anki biċ-ċekk addizzjonali tal-irkupru mill-pandemija, li se jfisser mitt ewro oħra għal kull ħaddiem u student u d-doppju għall-pensjonanti u l-persuni fuq l-għajnuna soċjali.
Dr Cordina saħaq li din l-għajnuna tal-Gvern hija parti minn politika ekonomika li salvat l-impjiegi bil-Wage Supplement u żammet il-qgħad fl-inqas rata fl-istorja u issa qed tindirizza anki sfidi ġejjin minn barra.
Dr Cordina tenna, “F’Malta il-politika ekonomika kienet li l-ewwel niddefendu x-xogħol, u f’dan kien hemm suċċess tajjeb, għaliex fil-fatt, ir-rata ta’ qgħad baqgħet bejn wieħed u ieħor stabbli, għalkemm kien hemm ovvjament setturi li ma setax ma jkunx li ma jbatux. Wara li għadda dak il-perjodu u dik l-isfida, issa qed naraw l-isfida tal-prezzijiet.”
Quddiem realtajiet oħra f’pajjiżi ġirien ta’ Malta, fejn il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-enerġija għolew f’daqqa m’għola s-smewwiet, anki f’jum wieħed, Dr Cordina spjega li jkun dnub kieku l-Gvern iddefenda x-xogħol u ħalla l-valur tax-xogħol jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet li qed tara d-dinja kollha.
Għalhekk, huwa stqarr li din l-injezzjoni hija wkoll ta’ għajnuna lill-ħaddiema, u permezz tagħha r-rota ekonomika se tibqa’ ddur.
Huwa spjega kif dawn it-tip ta’ interventi huma fost l-aktar importanti f’ħidma ta’ Gvern.
L-ekonomista magħruf li l-iswed jgħidlu iswed u l-abjad isejjaħlu abjad, irrikonoxxa li l-qagħda finanzjarja ta’ Malta tippermetti li l-Gvern iqassam pakkett ta’ sebgħin miljun ewro, kif wara kollox spjega l-Ministru għall-Finanzi l-Ħamis, li qal li minkejja l-previżjonijiet li s-sena li għaddiet tagħlaq b’defiċit ta’ 11.1%, issa dan mistenni jinżel għal 8.1% u b’hekk il-Gvern kellu fejn iqassam iżjed.
Dr Gordon Cordina stqarr, “Għadu inqas minn dak ta’ maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej u għadu inqas mill-ogħla livelli li qatt kellu pajjiżna fil-passat ukoll. Jiġifieri jidher li jibqa’ marġini ta’ fejn nistgħu naħdmu mingħajr ma nipperikolaw is-sostennibilità finanzjarja.”
Quddiem l-awsterità, sinonima f’Malta fil-kriżi finanzjarja tal-ewwel snin fid-deċenju l-ieħor, u dik li għaddejjin minnha pajjiżi oħra minħabba l-kriżi tal-enerġija, Cordina qal li l-Gvern għandu dejjem ikun bil-għaqal u joqgħod attent fin-nefqiet tiegħu iżda mhux akkost li ma jinvestiex u ma jgħinx lin-nies.
Hawnhekk Cordina tenna, “Però ma naqbilx li nissikkaw iċ-ċinturin f’sens li ma ngħinux lil min għandu bżonn biex ikompli jaħdem tajjeb jew biex ma jaqgħux f’faqar, b’mod li xorta nibqgħu sostenibbli. Għalija dak mhix ħaġa li nistgħu nagħmlu, ma jfissirx hekk li nissikkaw iċ-ċinturin, b’mod għaqli.”