“Il-pakkett li ġie mressaq u propost mill-Gvern għall-edukaturi f’pajjiżna hu wieħed sostenibbli, wieħed li jagħraf l-importanza tal-professjoni u huwa wieħed li jimxi mal-wegħda ta’ qabża sostanzjali f’dak li huwa pakkett finanzjarju.”
Kliem il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima, meta wara konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu ġie mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-azzjonijiet industrijali tal-Unjin Maltija tal-Għaliema, l-MUT.
Il-Ministru saħaq kif il-messaġġ tal-Gvern, li dejjem għaddej b’investiment b’saħħtu fil-qasam edukattiv, hu wieħed ċar – dak li permezz tal-ftehim settorjali ġdid, il-kundizzjonijiet tal-għalliema se jitjiebu.
Qal, “Nifhem l-importanza u r-rwol tal-edukatur, mhux biss bħala Ministru responsabbli mill-edukazzjoni, imma bħala missier u allura nifhem ir-rwol ċentrali li għalihom l-għalliema tagħhom għandhom. Minn ewl id-dinja li jiena, bħala Gvern, qed inressqu ’l quddiem proposta li tirrifletti dan ir-rispett illi għandna. Għad hemm lok għal aktar diskussjonijiet, lok biex wieħed jaqbel fuq diversi temi, l-aktar ħaġa importanti hi li, fil-bażi ta’ dan kollu, nifhmu li l-kundizzjonijiet iridu jitjiebu u se jitjiebu.”
Il-Ministru nnota kif fuq din il-materja kruċjali, il-Partit Nazzjonalista qed jirkeb karru ta’ nuqqas ta’ etika u irresponsabbiltà kbira li jistgħu jxekklu n-negozjati favur l-edukaturi Maltin u Għawdxin u fuq kollox favur l-istudenti.
Qal, “Naħseb li ma jkunx etiku li anke rappreżentanti tal-PN ifajru figuri, b’nuqqas ta’ etika u naħseb irresponsabbiltà. U jiddispjaċini nara dan in-nuqqas ta’ għarfien u li wieħed jitfa’ l-figuri li żgur ma jagħmlux ġid għal min irid il-ġid ta’ din il-professjoni.”
Sadanittant, fl-aħħar jiem tqajjem tħassib serju dwar kif l-azzjonijiet tal-MUT qed jolqtu lil studenti vulnerabbli, b’diversi ġenituri jitkellmu dwar dan pubblikament.
Dwar dan tkellmet ukoll il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, is-CRPD.
Qal, “Meta d-direttivi jolqtu t-tfal dik hi xi ħaġa li mhix ta’ ġid għat-tfal, għall-pajjiż u lanqas għall-istess edukaturi. Però li nista’ nassigurak hu li qegħdin naħdmu biex din is-sitwazzjoni ngħadduha mill-aktar fis possibbli.”
Ta’ min isemmi kif dawn l-azzjonijiet kienu fis-seħħ anke f’jiem fejn il-Gvern u l-unjin kienu mal-mejda f’laqgħat ta’ konċiljazzjoni.