Fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq, li l-pakkett ta’ fondi li rnexxielu jikseb Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela waqt is-Summit Ewropew fi Brussell, ser jiggarantixxi futur mill-isbaħ għaċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Gvern Laburista kiseb pakkett eċċezzjonali ta’ €2.250 biljun. Dan ifisser id-doppju ta’ dak li kiseb Gvern Nazzjonalista fin-negozjati ta’ Frar 2013 għall-Budget Ewropew 2014-2020.
Tajjeb li wieħed jinnota l-kuntest li fih innegozja Gvern Nazzjonalista seba’ snin ilu meta l-qgħad spara ‘l fuq u l-ekonomija kienet staġnata tant li ftit qabel pajjiżna kien iddaħħal fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
GonziPN seta’ jinnegozja minn pożizzjoni aktar favorevoli hekk kif il-pajjiż kien jistħoqlu aktar għajnuna mill-Ewropa wara li l-istess tmexxija Nazzjonalista għerqet il-pajjiż fi djun kbar.
Illum Gvern Laburista, b’ċertifikati ekonomiċi mill-aktar eċċellenti minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u anki minn istituzzjonijiet bħal ma hija l-Kummissjoni Ewropea, it-tmexxija ta’ Robert Abela fittxet il-persważjoni u l-konvinzjoni f’negozjati intensivi biex minkejja l-andament ekonomiku pożittiv, Malta kisbet l-akbar pakkett ta’ fondi fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan il-ftehim huwa aktar sinjifikanti meta wieħed iqis li l-Ewropa tilfet it-tieni l-akbar kontributur għall-budget Ewropew, jiġifieri r-Renju Unit. BREXIT fisser li fil-budget Ewropew kien hemm €75 biljun anqas.
Dan kollu jixhed il-mod b’saħħtu u għaqli li nnegozja bih il-Prim Ministru Robert Abela.
Fuq kollox dan kollu jikkonferma kemm fil-mumenti kruċjali għall-pajjiżna Gvern Laburista jikseb ir-riżultati favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Filwaqt li ħaddieħor huwa mitluf u mhedi jiġġieled il-battalji interni tiegħu, Gvern Laburista qed iwettaq r-rieda tal-elettorat sabiex verament iwassal il-ġid għand kulħadd u permezz ta’dawn il-fondi jkollna għada aħjar.