Fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, għat-tieni sena konsekuttiva, pajjiżna se jospita l-aħħar fażi taċ-Champions League tal-Waterpolo, magħrufa aħjar bħala l-Final 4.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Sportiva Akkwatika Maltija, Karl Izzo, elenka kif dan it-tournament jagħti prominenza qawwija lil pajjiżna biex ikompli jikber f’dan l-isport.
Dan waqt li mijiet ta’ partitarji u anke kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali jattendu għal din il-fażi importanti tal-kompetizzjoni rinomata.
Filwaqt li rringrazzja lil SportMalta, VisitMalta u l-Ministeru għall-Isport, Izzo żied jgħid li dan it-tournament hu pjattaforma mill-iżjed importanti għall-atleti żgħażagħ Maltin biex ikunu qrib l-aqwa klabbs fl-Ewropa u fid-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, enfasizza kif din hi opportunità unika bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju biex il-pubbliku jattendi għal dawn il-logħbiet spettakolari tal-ogħla livell.
Ingħad kif il-prezzijiet għal-logħbiet se jkunu baxxi u se jkun hemm abbonamenti speċjali għall-membri tal-klabbs u żgħażagħ, filwaqt li fl-aħħar ġurnata se jkun hemm ukoll diversi spettakli għall-gost tal-pubbliku.
“Sports Malta issa saret garanzija ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali. Fl-elfejn tnejn u għoxrin organizzajna Special Olympics, fl-elfejn tlieta u għoxrin organizzajna l-logħol tal-Pajjiżi Żgħir u irnexxilna nirbħuhom ukoll. F’ dawn l-aħħar tliet snin, fost ħafna affarjiet kellna wkoll ic-champions league tal-waterpolo. Huwa importanti ħafna li Sports Malta, għal Malta flimkien ma’ Visit Malta tpoġġi l-isports Malti fil-mappa tal-isports”.
Mark Cutajar Eżekuttiv, SportMalta
Il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, elenka kif hu importanti ħafna li l-Gvern jibqa’ jsostni dawn il-faċilitajiet u l-Kumpless Nazzjonali tal-Għawm.
“Bħala legat ta din il-kompetizzjoni, ħa jkollna sitwazzjoni fl-istess infrasstrutra sportiva li se tkun qed tospita dawn il-logħbiet b’investiment fid-dawl li żgur se jgħin kompetizzjonijiet anke lokali u l-atleti u anke investiment fix-xhur li ġejjin ġewwa dawn l-istands, liema investiment jibqa ta’ benefiċċju għal pubbliku Malti.”
Il Ministru Clifton Grima