Pajjiżna mistenni jiftaħ it-titjiriet minn u lejn 19-il pajjiż.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli, il-Ħadd filgħaxija waqt programm fuq ix-xandir tal-istat.
Farrugia Portelli aċċennat li l-ajruport se jkun qed jinfetaħ fl-1 ta’ Lulju wara li l-Gvern tkellem mal-awtoritajiet tas-saħħa.
Qalet li dawn il-pajjiżi, li imbagħad jistgħu jiżdiedu, se jitħabbru fis-sigħat li ġejjin.
Spjegat li qed isir diversi xogħol anki fuq livell diplomatiku wara li qabel il-Gvern kien qed iħares lejn dawk imsejħa bħala “safe corridors” u li issa minn dakinhar, il-lista tal-pajjiżi żdiedet.
Waqt il-programm Insights, il-Ministru għat-Turiżmu qalet li fl-ajruport se jkunu qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kemm fis-sala tat-tluq u anki tal-wasliet, fosthom fejn iċ-check-ins isiru b’mod virtwali, tinżamm id-distanza soċjali eżatt qabel tirkeb l-ajruplan u anki titieħed it-temperatura qabel ittir u anki mal-wasla.
Spjegat ukoll li fuq l-ajruplan se jintlibsu l-maskri.
Mistoqsija jekk hux se tinżamm kwarantina għal kull min jiġi f’Malta, il-Ministru Farrugia Portelli kienet ċara u qalet li dan ma jagħmilx sens għaliex stajna nħallu l-ajruport magħluq.