Il-Malta Airport Foundation u Heritage Malta qed jaħdmu biex sit f’qiegħ il-baħar ikun l-ewwel park arkeoloġiku f’baħar fond fid-dinja.
Is-sit ġie skopert fl-1993 lil hinn mill-Bajja tax-Xlendi, Għawdex, f’fond ta’ 105 metri, u jikkonsisti f’materjal arkeoloġiku Puniku mifrux fuq medda ta’ 67,000 m2. It-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar fi ħdan Heritage Malta qed tagħmel riċerka dwar x’seta’ wassal għall-ħolqien ta’ dan is-sit uniku, filwaqt li qed tiddokumenta l-post u l-artefatti li jinsabu hawnhekk b’mezzi innovattivi li ma ntużaw imkien ieħor.
Għalkemm bastimenti mgħarrqin f’baħar fond mhumiex attrazzjonijiet rari, il-valur bla paragun ta’ dan is-sit partikolari jinsab fl-eluf ta’ artefatti li hemm fih, fosthom anfori u urni li jmorru lura mal-2,300 sena, flimkien mal-wirt naturali ta’ blat iffurmat minn sikek tal-qroll estinti.
Is-sit lil hinn mix-Xlendi qiegħed jiġi dokumentat mit-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar fi ħdan Heritage Malta, bl-appoġġ tal-Università ta’ Malta u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. L-artefatti li nstabu fis-sit qed jiġu ppreservati taħt il-baħar, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar, li ġiet ratifikata minn Malta. Għalkemm mhux ippjanat li dawn l-oġġetti jittellgħu minn qiegħ il-baħar, il-lok preċiż ta’ kull artefatt, kif ukoll it-tip u l-kundizzjoni tiegħu, qed jiddaħħlu f’geodatabase li se jkollha livelli varji ta’ aċċess.
Il-park se jkun aċċessibbli wkoll permezz ta’ videos, ritratti u mudelli 3D fis-sit elettroniku ta’ Underwater Malta, li hu mużew virtwali tas-siti arkeoloġiċi f’qiegħ il-baħar madwar il-Gżejjer Maltin. Barra minn hekk, fit-torri tax-Xlendi, li jinsab qrib il-park, se jkun hemm wirja permanenti li mistennija tinfetaħ għall-pubbliku s-sena d-dieħla.