Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta qed tintuża bħala mudell ideali li wieħed irid jimxi fuqu fejn jidħol iċ-childcare b’xejn. Qalet dan il-Kummisjarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli f’konferenza li saret f’pajjiżna b’rabta ma’ Jum il-Mara.
Hawnhekk hi semmiet kif Malta hi l-unika membru stat li joffri childcare kompletament b’xejn u kif l-istorja ta’ suċċess ta’ din il-miżura għandha tinfirex u tiġi kkopjata minn pajjiżi oħrajn.
“Meta nkun f’pajjiżi oħrajn nuża lil Malta bħala mudell ta’ kif għamilnieh (iċ-childcare), ilu għaxar snin u kif inhu storja ta’ suċċess, storja li pajjiżi oħrajn jitgħallmu minnha.”
Dalli semmiet kif madwar l-Unjoni hemm tmin miljun mara, li huma ikkwalifikati u jridu jidħlu fis-suq tax-xogħol, iżda minħabba li għandhom it-tfal u ma jaffordjawx jibagħtuhom iċ-childcare, dawn jibqgħu ma jaħdmux.
“Ara kemm kien għaqli l-Gvern Malti meta investa f’dan is-settur u qed ikompli jinvesti, anke fejn tidħol diżabilità u anzjanità. Di hi xi ħaġa li tagħti r-riżultat li nisa li huma jew iridu kkwalifikati u fis-suq jistgħu jkunu fis-suq tax-xogħol, għax hemm min jagħmel dak ix-xogħol ta’ ħarsien.”
Tkellimna wkoll mal-Kummissarju Maltija għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza li qalet kif, imqabbla ma’ pajjiżi oħrajn, Malta hi avvanzata fejn tidħol l-ugwaljanza.
“Rajna progress mhux biss f’Malta, imma wkoll fl-Ewropa. Skont il-Ġnus Magħquda baqa’ 300 sena oħra biex tintlaħaq l-ugwaljanza, iżda mqabbla ma’ ċerti pajjiżi Malta hi avvanzata.”
Fil-konferenza ġie ppreżentat studju dwar dan il-qasam f’Malta, fejn ġew innotati r-rati baxxi ta’ fertilità li jeżistu, bis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, tgħid li l-Gvern kommess li jkompli jaħdem fuq dan.
“Aktar ma naħdmu fuq l-ugwaljanza, aktar qed nitkellmu dwar x’policies hemm f’pajjiżna biex mhux biss il-mara tidħol fis-suq tax-xogħol, iżda ngħinu lill-ġenituri jkollhom it-tfal tagħhom. Bħala Gvern kommessi li nkomplu ntejbu d-drittijiet tal-mara u nilħqu l-ugwaljanza.”
F’din il-konferenza, li għaliha kien hemm preżenti għadd ta’ nisa ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja, tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li rrikonoxxa l-isforzi li saru f’pajjiżna biex il-mara tibqa’ timxi ’l quddiem.