Pajjiżna qed jieħu bis-serjetà l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru Edward Scicluna meta kien qed jindirizza konferenza annwali tal-istitut ta’ dawk li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Il-Ministru Scicluna tenna li pajjiżna qed jaħdem bi sħiħ biex jindirizza dak li qed jgħid il-Moneyval, il-kumitat li jgħarbel miżuri li jaddottaw pajjiżi fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Il-Profs. Scicluna sostna: “Sintendi l-Moneyval, inti trid tħares iktar lejn ir-rakkomandazzjonijiet għaliex il-prijoritajiet mill-punto di vista ta’ outsider, t’awtorità indipendenti u internazzjonali tagħti kashom iżjed. Jiġifieri aħna konna qed narawhom mod u huma jista’ jkun qed jarawha, ħafna drabi l-istess ta, imma fejn ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom ta’ min tieħodhom u tattwahom għax huma importanti.”
Il-Ministru Scicluna fakkar li l-Gvern ma kienx reattiv iżda minn qabel beda jaddotta miżuri biex jibqa’ jkollna ambjent b’saħħtu għall-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Huwa tenna: “Qabel ma ġew il-Moneyval aħna stess għamilna national risk assessment u minnhom ukoll kien hemm dawk in-nuqqasijiet li aħna stess sibna waħedna u għamilna programm ta’ tliet snin nindirizzawhom, jiġifieri ma ninsewx il-Gvern ma kienx qed jistenna l-Moneyvall biex jgħidlu x’hemm bżonn isir. Aħna stess qabbadna konsulenti internazzjonali, għamilna national risk assessment, update tiegħu fl-2017 u fil-pubbliku għamilna kalendarju kif se nindirizzawhom.”
Il-Ministru Scicluna semma li żewġ sfidi ewlenin għas-settur tas-servizzi finanzjari huma l-kompetittività fit-tassazazzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus.
Il-Ministru għall-Finanzi saħaq li ħadd ta’ rieda tajba m’għandu jmur barra u jtappan is-servizzi finanzjarji li jħaddmu numru kbir ta’ Maltin.
Ma’ dan ingħaqad is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji Clayton Bartolo li fl-istess konferenza qal li l-politiċi għandhom jiġu flimkien biex jipproteġu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Clayton Bartolo qal li ta’ sikwit nitkellmu dwar l-innovazzjoni u filwaqt li saħaq li din hija importanti rridu nsaħħu dak li diġà għandha, is-servizzi finanzjarji.