Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu indirizza lill-Konsli Onorarji waqt l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida li saret fil-Berġa ta’ Kastilja. Huwa qal li pajjiżna qed jaħdem bla heda biex ikompli jtejjeb il-profil ekonomiku tiegħu lil hinn minn xtutna.
Il-Prim Ministru fisser ħidmet il-Konsli Onorarji f’Malta bħala importanti u ta’ valur kbir għaċ-ċittadini minn diversi pajjiżi li jkunu ’l bogħod minn pajjiżhom meta jkunu Malta.
Dr Abela tkellem ukoll fuq l-irkupru ekonomiku frott anki rabtiet diversi u b’saħħithom mal-bqija tad-dinja fi sfond ta’ ambjent regolatorju stabbli u affidabbli li għandha Malta.
Il-Prim Ministru semma li l-Gvern kompla bil-ħidma sabiex ġiet ikkonfermata l-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-World Expo tal-2025, li se ssir f’Osaka fil-Ġappun.
Qal li bħalissa għaddejja ħidma f’dan ir-rigward flimkien ma’ sforzi oħra fejn, fost l-oħrajn, Malta mexxiet delegazzjoni kummerċjali fl-Arabja Sawdija f’Ottubru.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-irwol ta’ Malta bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn qed twassal il-messaġġ favur il-paċi.
Dr Abela fakkar li x-xahar id-dieħel, meta Malta se tippresiedi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, pajjiżna se jorganizza diversi laqgħat ta’ livelli għoli dwar it-tibdil fil-klima u l-gwerra fl-Ukrajna.
Waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, Malta dejjem baqgħet reżiljenti.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern għamel dak kollu possibli biex jittaffa l-piż ekonomiku sabiex l-ekonomija u n-negozji f’pajjiżna komplew jikbru, filwaqt li ġiet protetta l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Huwa nnota proġetti li saru mill-Gvern, u mid-diplomatiċi u l-konsli ta’ Malta barra minn xtutna biex imbuttaw ’il quddiem l-identità Maltija fid-diversi forom tagħha permezz tad-diplomazija kulturali.
Il-Prim Ministru qal Ii l-Gvern kompla jaħdem sabiex jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ ftehim ta’ rappreżentanza tal-viżi ma’ Stati Membri oħra fiż-Żona tax-Schengen.