Sa tmiem il-ġimgħa li ġejja pajjiżna se jkun laqqam kontra l-Covid-19, kważi t-tripplu tal-medja fl-Ewropa.
Dan żvelah waqt il-programm XTRA ma’ Saviour Balzan, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
Qal li Malta, bil-fatti qed tlaqqam ħafna nies bil-kunsinji li qed jaslulha tal-vaċċin tal-Pfizer u l-Moderna.
Id-Deputat Prim Ministru spjega: “Sa tmiem il-ġimgħa jkunu laqqmu mal-average fl-Unjoni Ewropea 1% tal-popolazzjoni. L-Iżrael huwa dak l-aktar pajjiż li ħarab imma dak kellu arranġamenti differenti ma’ Pfizer imma mbagħad l-Ewropa hija waħda mill-iżjed li għandha vaċċin kmieni u ħa jkun laqqmu 1% tal-popolazzjoni. Aħna sa nhar it-Tnejn ħa nkunu laqqamna 2.7% tal-popolazzjoni tagħna, jiġifieri darbtejn, kważi tliet darbiet aktar mill-average Ewropew. Jiġifieri aħna qegħdin ma’ quddiem nett. Fl-Ewropa, Danimarka u aħna qegħdin l-ewwel.”
Chris Fearne spjega li l-vaċċin tal-Moderna se jibda jasal f’pajjiżna kull ġimagħtejn.
Qal li Malta qed tkun responsabbli u kull min qed jieħu l-ewwel doża tal-vaċċin, it-tieni doża tkun ġa ffriżata f’pajjiżna biex ikun assigurat li jieħu l-vaċċin b’mod sħiħ kif skedat.
Id-Deputat Prim Ministru qal li sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla, Malta se tkun laqqmet diġà iżjed minn tlettax-il elf ruħ.
Huwa sostna: “Sa nhar it-Tnejn illi ġej meta tasal il-konsenja li jmiss ħa nkunu laqqamna, ħa nkunu tajna l-ewwel doża lil 13,275 ruħ. Jiġifieri kull doża li tasal fil-ġimgħa ta’ wara, sakemm tasal il-konsenja l-oħra, se nkunu użajnieha.”
Chris Fearne spjega li nhar it-Tnejn se tasal kunsinja oħra qawwija tal-vaċċin ta’ kważi 15,000 doża.
B’kollox, nhar it-Tnejn, Malta se jkollha ftit aktar minn 41,000 doża tat-tilqima.
U sat-Tnejn ta’ wara, jiġifieri 25 ta’ Jannar, se jkunu tlaqqmu kważi 21,000 persuna.
Fearne qal li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, 70% tal-ħaddiema tas-saħħa kollha f’Malta u f’Għawdex se jkunu tlaqqmu biex sa nofs Frar ikunu tlaqqmu kollha.
Spjega li r-residenti f’San Vinċenz de Paul se jkunu tlaqqmu kollha sal-aħħar ta’ Jannar u fid-djar tal-anzjani se jkunu tlaqqmu kollha sal-aħħar ta’ Frar.
Dan apparti li l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 85 sena u li jgħixu fil-komunità se jkunu tlaqqmu kollha sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ukoll.
Qal li f’din il-kategorija qed jitlaqqmu 1,500 persuna kuljum.
Dawk l-anzjani ta’ 85 sena jew aktar, li ma jistgħux joħorġu mid-djar minħabba problema ta’ mobbiltà bdew jitlaqqmu wkoll u se jkunu kollha lesti sa nofs ix-xahar id-dieħel.
Spjega kif se jkun imiss imbagħad nies oħra fuq quddiem tal-ġlieda kontra l-Coronavirus bħas-suldati, il-pulizija u anki l-għalliema fost oħrajn.
Se jkun hemm ukoll kategoriji oħra tal-età li jibdew jirċievu l-invit biex jieħdu t-tilqima.
Qal li fl-isfond li l-vaċċin tal-AstraZeneca mistenni dalwaqt jiġi rakkomandant għall-approvazzjoni mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-affarijiet jistgħu jiżviluppaw aktar fid-direzzjoni pożittiva peress li pajjiżna għandu kunsinja qawwija garantita minn din il-kumpanija.
Il-Ministru għas-Saħħa aċċenna li Malta mhix taħli dożi bħall-pajjiżi oħra.
Huwa sostna: “Id-doża tal-Moderna ta’ reġjun sħiħ tal-Ġermanja, jiġifieri mijiet ta’ eluf kellhom jarmuhom għax ma żammuhomx fit-temperatura li suppost. Anki fil-Pfizer kellhom problema li minflok żammewhom -70, żammewhom ġo picnic cooler, kien hemm każ minnhom. Jiġifieri aħna dawn l-iżbalji sa issa, jistgħu jsiru żbalji, s’issa ma għamilnihomx. Qed inkunu attenti ħafna. Kull doża qed nużawha u qed nużawha fil-ħin.”