Il-Gvern għandu strateġija u anke viżjoni ta’ fejn irid jieħu l-industrija turistika ta’ pajjiżna fiż-żmien li ġej.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, flimkien mal- Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, elenkaw kif qed ikun maħsub biex f’pajjiżna jaslu aktar turisti ta’ kwalità.
Dan ibbażat fuq il-110 ajruport f’40 pajjiż differenti, li pajjiżna għandu konnessjoni diretta magħhom, waqt li jkompli jsaħħaħ in-nefqa diġà aħjar mit-turisti li se jkunu waslu fostna din is-sena u li mistennija taqbeż it-€3 biljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA spjega kif l-istrateġija, li se jkunu qed jaħdmu fuqha, tara ppjanar speċifiku bil-għan li jkun hemm tkabbir fit-turiżmu fiż-żminijiet kwieti u turiżmu sostenibbli.
Minbarra hekk, se ssir enfażi fuq tkabbir lil hinn mis-suq Ewropew, fosthom l-Amerka, l-Asja, il-Lvant Nofsani u l-Awstralja, waqt li se jkompli l-investiment f’niċeċ turistiċi ġodda, bħal dak reliġjuż u militari, li diġà qegħdin jikbru.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, ġie ttrattat ukoll kif l-infieq għal kull lejl li jqattgħu fostna l-barranin baqa’ jiżdied, bl-akar swieq li jikkontribwixxu għal dan ikunu l-Amerka, l-Emirati Arab Magħquda, l-Irlanda, in-Norveġja, il-Kanada u l-Awstralja. Tħabbar ukoll li l-pjan hu li jinfetħu uffiċini rappreżentattivi fi New York, fl-Amerika Latina u l-Awstralja.
Ma’ dan, ingħad kif it-turiżmu matul ix-xhur tax-xitwa rdoppja fl-aħħar għaxar snin, minn madwar ħames mija u erbatax-il elf fl-2013 għal kważi miljun u tliet mitt elf sal-bidu ta’ din is-sena.
Carlo Micallef spjega li, waqt li ħafna pajjiżi għadhom qed jirkupraw minn wara l-pandemija, pajjiżna ilu li laħaq u qabeż iċ-ċifri tal-2019 u llum jinsab f’pożizzjoni tajba li saħansitra jagħżel x’tip ta’ turiżmu li jixtieq.
“Qegħdin naħdmu biex inġibu turist iżjed minn swieq imbegħda, bħalma huma l-Awstralja, l-Amerka, il-Lvant Nofsani, l-Asja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, fejn dawn huma turisti li jiġu pajjiżna għall-istorja tagħna, għall-kultura, għall-esperjenza li noffru fl-ikel tagħna, l-istejjer fl-istorja tagħna, li jiġu f’pajjiżna lesti li jonfqu iżjed biex ikollhom esperjenza unika li jgħidu li żaru pajjiżna u raw l-istorja tagħna kollha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo qal kif mit-turiżmu jiekol kulħadd, b’eluf ta’ persuni jiddependu minn din l-industrija hekk b’saħħitha u, għalhekk, irridu nkomplu nuru dak li jagħmilna gżira unika.
Hu semma wkoll kif, fl-aħħar snin, kien hemm tkabbir qawwi b’investimenti kbar li saru, anke fil-privat, u issa hemm l-lussu li jintgħażlu x’tip ta’ turisti rridu u issa l-kejl turistiku jrid isir mill-esperjenza tal-barranin li jiġu u aħna bħala Maltin u Għawdxin li nilqgħuhom.
Il-Ministru responsabbli qal li, jekk mhux se noffru l-kwalità, mhux se nkunu kapaċi nattiraw u, għalhekk, l-istrateġija tara diversi miżuri biex dan il-livell jintlaħaq.
“Nemmnu li din se twassal biex ikollna turist ta’ kwalità ogħla fejn l-attenzjoni ma tibqax biss fuq in-numru ta’ turisti li jiġu hawn Malta, iżda se nkunu qegħdin nħarsu lejn il-kwalità u anke l-profil tat-turist u minn fejn qiegħdin inġibuh. Iva dan se jgħinna biex aħna, bħala pajjiż, ikollna turiżmu li verament irendi lis-soċjetà b’mod inġenerali u, fuq kollox, jirbaħ dejjem il-poplu Malti u Għawdxi.”